25.2.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 72/43
Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Jannar 2019 – Mutualidad de la Abogacía et vs BĊE u BUR
(Kawża T-11/19)
(2019/C 72/56)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Rikorrenti: La Mutualidad General de la Abogacía (Madrid) u 75 rikorrent ieħor, (rappreżentanti: R. Pelayo Jiménez, A. Muñoz Aranguren u P. Hermida Paredes, avukati)
Konvenuti: Il-Bank Ċentrali Ewropew u Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni
Talbiet
Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tiddikjara r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-BĊE u tal-BUR bħala konsegwenza tal-ksur speċifikat fir-rikors u tikkundannahom jikkumpensaw lir-rikorrenti għad-danni kkawżati, stmati skont il-valur patrimonjali tal-azzjonijiet tagħhom, li, skont il-lista “Evalwazzjoni 1” tal-BUR, jammontaw għal EUR 2,0020217 għal kull azzjoni u, sussidjarjament, tikkundanna lill-istituzzjonijiet konvenuti jħallsu kumpens ekwivalenti għal EUR 0,8442 għal kull azzjoni.
—
żżid mal-kumpens l-interessi kumpensatorji kkalkolati skont ir-rata ta’ inflazzjoni annwali ddikjarata mill-EUROSTAT fi Spanja, mis-6 ta’ Ġunju 2017 sad-data tas-sentenza, flimkien mal-interessi moratorji (bir-rata ta’ rifinanzjament prinċipali tal-BĊE miżjud b’żewġ punti perċentwali kull sena), mid-data tas-sentenza li tirrikonoxxi l-obbligu ta’ kumpens għad-dannu sal-pagament effettiv tiegħu.
—
tikkundanna lill-istituzzjonijiet konvenuti għall-ispejjeż tal-kawża.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq atti jew ommissjonijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew li huma allegatament illegali jew negliġenti. F’dan ir-rigward huma jinvokaw:
—
il-ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi, peress li l-BĊE ħoloq aspettattivi leġittimi għall-azzjonisti ta’ Banco Popular Español, S.A., bħala l-istituzzjoni responsabbli mit-twettiq tal-proċess superviżorju ta’ rieżami u evalwazzjoni (SREP).
—
il-ksur tal-obbligu ta’ diliġenza u ta’ amministrazzjoni tajba mill-BĊE, peress li ma adottatx il-miżuri xierqa mill-ewwel u/jew il-miżuri ta’ rkupru minn Banco Popular Español, bi ksur tal-Linji Gwida dwar il-limiti għall-attivazzjoni tal-miżuri ta’ intervent bikri (l-Artikolu 27(4) tad-Direttiva 2014/59).
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq l-atti tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni li huma allegatament illegali jew negliġenti. F’dan ir-rigward huma jinvokaw:
—
il-ksur tal-Artikoli 7 u 13 tar-Regolament (UE) 806/2014 u tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2014/59, minħabba l-azzjoni mhux ikkoordinata tal-BUR mal-BĊE, kif ukoll minħabba n-nuqqas ta’ aġġornament tal-Pjan ta’ Riżoluzzjoni ta’ Banco Popular Español;
—
il-ksur tal-obbligu ta’ kunfidenzjalità mill-BUR, bi ksur tal-Artikolu 339 TFUE u tal-Artikolu 88(1) tar-Regolament (UE) 806/2014;
—
il-ksur tal-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) 806/2014, għar-rifjut tal-BUR li jordna evalwazzjoni finali ta’ Banco Popular Español u għall-ksur konsegwenti tal-obbligu ta’ diliġenza u ta’ amministrazzjoni tajba.
Full & Egal Universal Law Academy