18.3.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 103/48
Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Jannar 2019 – Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-13/19)
(2019/C 103/63)
Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek
Partijiet
Rikorrenti: Ir-Repubblika Ċeka (rappreżentanti: M. Smolek, J. Vláčil u O. Serdula, aġenti)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tikkonstata li l-Kummissjoni Ewropea naqset mill-obbligi tagħha skont l-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewrpoea, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, safejn, wara l-provvista kundizzjonali, mir-Repubblika Ċeka, ta’ riżorsi proprji tradizzjonali fl-ammont ta’ CZK 40 482 255, hija ma tatx bidu għal proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Repubblika Ċeka f’dan ir-rigward u safejn fin ma pproċedietx bir-rimbors tas-somma kontenzjuża, u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed.
Ir-Repubblika Ċeka hija konvinta li l-obbligu tal-Kummissjoni li taġixxi fis-sens suespost jirriżulta mill-prinċipju ta’ koperazzjoni leali sanċit fl-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, moqri flimkien mad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
Peress li, skont ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (1), kawża bejn Stat Membru u l-Kummissjoni fil-qasam tar-riżorsi proprji tradizzjonali tista’ tiġi deċiża b’mod awtorevoli biss mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni għandha, wara l-eżekuzzjoni ta’ ħlas kundizzjonali, jew tati bidu għal din il-proċedura mingħajr dewmien jew inkella tipproċedi bir-rimbors tal-imsemmi ħlas jekk ma jkollhiex raġunijiet li jiġġustifkaw il-ftuħ tal-prċoedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.
Ir-Repubblika Ċeka ħallset, taħt kundizzjonijiet, is-somma kontenzjuża fil-kont tal-Kummissjoni sa mill-2015. Madankollu, il-Kummissjoni ma tatx bidu għall-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Repubblika Ċeka fil-kawża preżenti u ma pproċedietx bir-rimbors tas-somma mħallsa taħt kundizzjonijiet, minkejja li ġiet mistiedna formalment mir-Repubblika Ċeka biex tagħmel dan. Huwa minħabba dan li r-Repubblika Ċeka tqis li huma ssodisfatti l-kundizzjonijiet sabiex jiġi kkonstatat in-nuqqas ta’ azzjoni tal-Kummissjoni.
(1) Ara s-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2017, Is-Slovakkja vs Il-Kummissjoni (C-593/15 P u C-594/15 P, EU:C:2017:800) u tal-25 ta’ Ottubru 2017, Ir-Rumanija vs Il-Kummissjoni (C-599/15 P, EU:C:2017:801).
Full & Egal Universal Law Academy