11.3.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 93/70
Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Jannar 2019 – AE vs Il-Parlament
(Kawża T-17/19)
(2019/C 93/91)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: AE (rappreżentant: M. Contini, avukat)
Konvenut: Il-Parlament Ewropew
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
prinċipalment, tannulla d-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew, tat-12 ta’ Novembru 2018, li permezz tagħha huwa kkonferma d-deċiżjoni tal-President tal-Parlament Ewropew, tat-2 ta’ Ottubru 2018, li tiġi imposta sanzjoni lis-Sinjura “AE” li tikkonsisti fit-telf tagħha tad-dritt għall-allowance ta’ soġġorn matul 12-il jum, minħabba l-fatt li hija wettqet fastidju psikoloġiku fil-konfront taż-żewġ assistenti parlamentari akkreditati tagħha;
—
sussidjarjament, fil-każ ikkontestat u improbabbli li ma jintlaqgħux it-talbiet prinċipali u bla ħsara għal rikors eventwali, tikkonstata li s-sanzjoni dixxiplinari imposta hija eċċessiva/sproporzjonata u, sussegwentement, tissostitwixxiha b’dik prevista fl-Artikolu 166(a) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew;
—
fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-istituzzjoni konvenuta tagħtiha kumpens li jiddetermina b’mod ġust li s-somma li għandha tingħata hija ta’ EUR 50 000 – jew kwalunkwe ammont ieħor superjuri jew inferjuri meqjus ġust – u tordna lill-President irendi l-informazzjoni pubblika f’sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew;
—
tiddeċiedi dwar l-ispejjeż favur tagħha.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ksur tal-prinċipju tal-kontradittorju, tad-dritt għal smigħ xieraq u tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
1.
Għandu jiġi enfasizzat li s-sanzjoni dixxiplinari inkwistjoni hija nieqsa minn kull bażi, u hija apparentement iġġustifikata b’sempliċi riferiment għar-rapport tal-Kumitat Konsultattiv li, min-naħa tiegħu u mingħajr ma pprovda motivazzjoni, ikklassifika l-aġir tar-rikorrenti bħala “fastidju psikoloġiku” mingħajr ebda prova.
2.
Barra minn hekk, huwa evidenti li l-Uffiċċju eżerċita l-poter tiegħu b’mod manifestament żbaljat u li wettaq abbuż manifest tal-poter sa fejn il-fatti kkonstatati, li ġew ippreżentati mill-assistenti li allegatament kienu suġġetti għal fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal.
3.
Fil-fehma tar-rikorrenti, l-Uffiċċju wettaq żball u żnatura l-fatti li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni fir-rigward tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “fastidju psikoloġiku” kif stabbilit fl-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal. Permezz ta’ fastidju psikoloġiku, għandu jinftiehem “imġiba mhux xierqa” li hija “ripetittiva jew si[s]tematika” u li ssir permezz ta’ aġir, kliem bil-fomm, atti, ġesti jew kliem bil-miktub li huma intenzjonati u li jikkawżaw dannu għall-personalità, għad-dinjità jew għall-integrità fiżika jew psikika ta’ persuna.
4.
Fid-dawl tal-kjarifika tal-kunċett ta’ “fastidju psikoloġiku”, mill-provi fil-fajl jirriżulta li l-aġir tar-rikorrenti ma jikkostitwixxi ebda “fastidju” u li l-kontestazzjonijiet limitati għal perijodu qasir ta’ żmien, jirreferu għat-twettiq ta’ kompiti mill-assistenti u l-preżenza tagħhom fl-uffiċċju, u huma r-riżultat ta’ ritaljazzjoni kontra r-rikorrenti, li kienet għamlet talba għat-tkeċċija fil-konfront tagħhom.
5.
Fir-rigward tal-kumplament, ebda osservatur estern, mogħni b’sensibbiltà normali u b’konoxxenza tal-kuntest professjonali partikolari tal-membri tal-Parlament u tal-kollaboraturi diretti fil-konfront tar-rikorrenti, ma jista’ jikkonkludi li l-aġir allegat fil-konfront tar-rikorrenti huwa eċċessiv u kundannabbli sal-punt li jikkawża dannu għall-personalità, għad-dinjità jew għall-integrità fiżika jew psikika tal-assistenti inkwistjoni, fid-dawl ukoll tar-remunerazzjoni ġeneruża li jitħallsu mill-Parlament.
Full & Egal Universal Law Academy