4.3.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 82/65
Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Jannar 2019 – Noguer Enríquez et vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-22/19)
(2019/C 82/77)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Rikorrenti: Roser Noguer Enríquez (Andorra la Vella, Andorra), Ramón Cierco Noguer (Andorra la Vella), Successors D’Higini Cierco García, SA (Andorra la Vella), Cierco Martínez 2 2003, SL (Andorra la Vella) (rappreżentanti: J. Álvarez González u S. San Felipe Menéndez, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tieħu konjizzjoni tar-rikors għad-danni mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea minħabba danni rrekati mill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha, skont l-Artikoli 268 u 340(2) TFUE, u, fi tmiem tal-proċedura mibdija għal dan l-għan, tagħti sentenza li tirrikonoxxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni minħabba l-aġir negliġenti u permissiv tal-Kummissjoni u li tagħtihom kumpens li jammonta għal EUR 50 220 800, konformement mal-kalkoli u mal-ammont kontenuti fir-rapport tal-espert mehmuż mar-rikors jew, sussidjarjament, tagħtihom kumpens fl-ammont inkluż fir-rapport tal-espert maħruġ mill-espert maħtur mill-Qorti Ġenerali, miżjud fl-interessi legali korrispondenti, kif ukoll li tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw is-segwenti motivi.
1.
Nuqqas ta’ osservanza tal-ftehim monetarju konkluż bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat ta’ Andorra u t-traspożizzjoni skorretta min-naħa tal-Prinċipat ta’ Andorra, awtorizzat mill-Kummissjoni, tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1). Konkretament, il-Kummissjoni:
—
naqset mill-obbligu tagħha li tivverifika t-transpożizzjoni insuffiċjenti, interessata, prematura u “parzjali” tad-Direttiva 2014/59/UE imwettqa mill-Prinċipat ta’ Andorra, li intenzjonalment naqas milli jinkludi d-drittijiet u l-garanziji tal-azzjonisti u depożitanti li l-leġiżlazzjoni Komunitarja timponi bħala kontrapiż neċessarju fil-proċeduri ta’ intervent ta’ dan it-tip u li anki inkluda miżuri addizzjonali diskriminatorji fil-konfront ta’ azzjonisti oħra, u
—
naqset mill-obbligu tagħha li tressaq quddiem il-kumitat imħallat u, jekk xieraq, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, in-nuqqas ta’ osservanza mill-Prinċipat ta’ Andorra tal-ftehim permezz tat-traspożizzjoni illegali tad-Direttiva 2014/59/UE, li pproteġiet iċ-ċaħda tar-rikorrenti mill-proprjetà tal-azzjonijiet tagħhom, mingħajr l-inqas ġustifikazzjoni ta’ interess pubbliku, bi ksur ta’ prinċipji essenzjali bħall-prinċipju ta’ proporzjonalità, u mingħajr ma ġie previst xi tip ta’ indennizz jew kumpens fil-kundizzjonijiet stabbiliti legalment. Dan kollu jikkonstitwixxi ksur sinjifikattiv ta’ prinċipji superjuri ta’ sistema jew stat ta’ dritt u tad-drittijiet fundamentali. Naturalment, il-Kummissjoni lanqas ma ressqet (lanqas sal-ġurnata tal-lum) in-nuqqas tal-Prinċipat ta’ Andorra għall-finijiet tat-terminazzjoni tal-ftehim.
2.
Ksur tad-drittijiet u tal-garanziji fundamentali tar-rikorrenti, sanċiti kemm fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll fil-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, fost oħrajn: id-dritt tal-proprjetà, id-dritt għal amministrazzjoni tajba, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi u l-prinċipju ta’ ċertezza legali.
—
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jiddikjaraw li n-nuqqas tal-Kummissjoni mill-obbligi tagħha ppermetta li, wara r-riżoluzzjoni tal-istabbiliment Bank privat ta’ Andorra, l-azzjonisti kollha, fosthom ir-rikorrenti, proprejtarji ta’ 75,52 % tal-azzjonijiet tal-impriża, jiġu mċaħħda mill-kapital tagħhom mingħajr ebda kumpens jew possibbiltà li jopponu għal tali ċaħda.
—
Ir-rikorrenti jiddikjaraw ukoll li l-inattività tal-garanti prinċipali tal-ftehim wasslet sabiex il-leġiżlazzjoni ta’ Andorra ma tirrikonoxxix id-dritt tagħhom li jirċievu, wara r-riżoluzzjoni ta’ BPA (Bank privat ta’ Andorra), l-istess ammont li kieku kien jirċievu wara proċedura ordinarja ta’ insolvenza jew ta’ falliment, dritt espress u imperattiv tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tar-ristrutturazzjoni u ta’ riżoluzzjoni ta’ stabbilimenti ta’ kreditu u ta’ impriżi ta’ servizzi ta’ investiment li l-Prinċipat ta’ Andorra kellu jittrasponi bis-saħħa ta’ dan il-ftehim.
—
Fl-aħħar, lanqas ma ġie inkorporat fl-ordinament tal-Prinċipat ta’ Andorra, id-dritt tal-azzjonisti għal evalwazzjoni tas-sitwazzjoni li jinsabu fiha wara r-riżoluzzjoni ta’ stabbiliment finanzjarju u għal kumpens li, f’dan il-każ, ġie rrikonoxxut fir-rigward tagħhom, kif ukoll id-dritt li jopponu, jew li jipproteġu ruħhom mir-riżultat tar-riżoluzzjoni tal-istabbiliment.
3.
Nuqqas tal-Kummissjoni fid-dmir l-iktar essenzjali tagħha, dak li tiżgura l-osservanza u l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju u tat-Trattati tal-Unjoni, konformement mal-Artikolu 17 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, billi ppermettiet li Stati terzi jiksruhom b’mod manifest, fatt li huwa akkumpanjat evidentement minn ksur taċ-ċertezza legali, tal-kredibbiltà tal-istituzzjonijiet Komunitarji u tal-aspettattivi leġittimi taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet.
4.
Eżistenza ta’ aġir tal-Unjoni li jinvolvi ksur suffiċjentement ikkaratterizzat ta’ regoli tad-dritt li jirrokonoxxi drittijiet jew li jipproteġi individwi, li ma jistax jiġi ġġustifikat mill-marġni diskrezzjonali li tirriżulta minn dawn ir-regoli jew mill-kumplessità jew in-nuqqas ta’ preċiżjoni tagħhom. Din in-negliġenza tal-Kummissjoni ħolqot danni konkreti, reali, ċerti u materjali lir-rikorrenti, peress li teżisti rabta kawżali bejn dawn id-danni u l-aġir tal-Kummissjoni.
5.
Sussidjarjament, responsabbiltà tal-Kummissjoni minħabba negliġenza li tagħha ngħatat prova waqt in-negozjati u l-iffirmar tal-ftehim monetarju mal-Prinċipat ta’ Andorra, li ma kienx jipprovdi għal mekkaniżmu ta’ difiża jew ta’ rappurtar għall-individwi milquta.
(1) ĠU 2014, L 173, p. 190.
Full & Egal Universal Law Academy