4.3.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 82/67
Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Jannar 2019 – CRIA u CCCMC vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-30/19)
(2019/C 82/79)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: China Rubber Industry Association (CRIA) (Beijing, iċ-Ċina) u China Chamber of Commerce of Metals, Minerals & Chemicals Importers & Exporters (CCCMC) (Beijing) (rappreżentanti: R. Antonini, E. Monard u B. Maniatis, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1579 tat-18 ta’ Ottubru 2018 li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti tajers pnewmatiċi, ġodda jew b’wiċċ ġdid, tal-lastiku, tat-tip użat għall-karozzi tal-linja jew għat-trakkijiet, b’indiċi tat-tagħbija li jaqbeż il-121, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/163, sa fejn jikkonċerna r-rikorrenti u l-membri tagħhom ikkonċernati; u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw sitt motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq li billi janalizza d-dannu abbażi tad-data “peżata” tal-kumpanniji inkluża fil-kampjun, ir-regolament ikkontestat jikser l-Artikolu 3(1), (2), (5) u (8), u l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) (iktar 'il quddiem “ir-Regolament bażiku”). Anki jekk wieħed jassumi li l-ippeżar huwa permess, il-mod kif twettaq jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 3(2), (3) u (5) u tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku.
2.
It-tieni moti bbażat fuq li l-inklużjoni ta’ tajers b’wiċċ ġdid ma tippermettix lill-Kummissjoni li tikseb xi bażi għall-progress loġiku tal-investigazzjoni tagħha, bi ksur tal-Artikolu 3 (1), (2), (5) u (6), u tal-Artikolu 4 (1) tar-Regolament bażiku. L-analiżi tad-dannu u tar-rabta ta’ kawżalità, li tinjora s-segmentazzjoni bejn tajers ġodda u dawk b’wiċċ ġdid, ma hijiex ibbażata fuq provi pożittivi u ma tammmontax għal eżami oġġettiv, bi ksur tal-Artikolu 3(2), (5) u (6) tar-Regolament bażiku.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-evalwazzjoni tal-effetti fuq il-prezzijiet (it-twaqqigħ tal-prezz u tal-prezzijiet indikattivi) u d-determinazzjoni tal-livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu jiksru l-Artikolu 3(2) u (3) u l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, sa fejn ma jqisux l-ispiża ħafna ogħla għal kull kilometru ta’ tajer ġdid imqabbela ma’ dik ta’ tajer b’wiċċ ġdid u li huma bbażati fuq prezzijiet ta’ esportazzjoni mibnija.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq li l-inkonsistenzi u l-kontradizzjonijiet kif ukoll l-assenza ta’ provi pożittivi u/jew oġġettivi insostenn tal-analiżi tar-rabta ta’ kawżalità jiksru l-Artikolu 3(2) u (6) tar-Regolament bażiku. Barra minn hekk, ir-regolament ikkontestat ma jeżaminax sewwa fatturi magħrufa oħra b’tali mod li d-dannu kkawżat minn dawk il-fatturi l-oħra ma huwiex attribwia għall-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping, bi ksur tal-Artikolu 3(2) u 7 tar-Regolament bażiku.
5.
Il-ħames motiv bbażat fuq li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti kif ukoll l-Artikolu 6(7), l-Artikolu 19(1) sa (3) u l-Artikolu 20 (2) u (4) tar-Regolament bażiku billi ma żvelatx id-data relevanti dwar id-determinazzjoni tad-dannu u tad-dumping u billi ma tatx lir-rikorrenti l-aċċess għal dik id-data.
6.
Is-sitt motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-aġġustament għat-taxxi indirett jikser l-Artikolu 2(10)(b) u l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku.
(1) Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2006, L 176, p. 21).
Full & Egal Universal Law Academy