11.3.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 93/78
Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Jannar 2019 – Ir-Repubblika Ellenika vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża T-46/19)
(2019/C 93/100)
Lingwa tal-kawża: il-Grieg
Partijiet
Rikorrenti: Ir-Repubblika Ellenika (rappreżentanti: G. Kanellopoulos, E. Leftheriotou, A. E. Vasilopoulou)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn dik id-deċiżjoni timpani fuq ir-Repubblika Ellenika, korrezzjonijiet finanzjarji ta’ darba u b’rata fissa, li jammontaw għal somma gross ta’ EUR 25 092 988,84 u somma netta ta’ EUR 24 851 438,56, skont l-inkjesta ΑΑ/2016/013/GR fir-rigward ta’ pagamenti bbażati fuq l-erja għas-sena finanzjarja 2015/2016 (2016 u 2017, p. 63-74 tas-sinteżi tar-rapport); u tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż tar-Repubblika Ellenika
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur mill-Kummissjoni tal-Artikolu 4(1)(h) tar-Regolament Nru 1307/2013 (1) fir-rigward tal-interpretazzjoni u tal-applikazzjoni tat-terminu “bur permanenti”.
2.
It-tieni motiv huwa bbażat fuq difetti ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-ksur tal-Artikolu 296 TFUE, tal-ksur tal-Artikolu 18(5) tar-Regolament Nru 640/2014, (2) tal-ksur tal-Linji Gwida tal-Garanzija tal-Kwalità tal-LPIS (Executable Test Suite (ETS) LPIS data quality measures, version 6.0), u ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
3.
It-tielet motiv huwa bbażat fuq motivazzjoni żbaljata tal-konvenuta fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ korrezzjonijiet ta’ darba flimkien mal-korrezzjoni b’rata fissa.
(1) Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU 2013, L 347, p. 608).
(2) Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll u l-kundizzjonijiet għar-rifjut jew l-irtirar ta’ pagamenti u penali amministrattivi applikabbli għall-pagamenti diretti, l-appoġġ għall-iżvilupp rurali u l-kundizzjonalità (ĠU 2014, L 181, p. 48).
Full & Egal Universal Law Academy