15.4.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 139/61
Rikors ippreżentat fil-31 ta’ Jannar 2019 — Makhlouf vs Il-Kunsill
(Kawża T-57/19)
(2019/C 139/64)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrent: Rami Makhlouf (Damas, is-Sirja) (rappreżentant: E. Ruchat, avukat)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tiddikjara l-azzjoni tar-rikorrent ammissibbli u fondata;
—
konsegwentement, tikkundanna lill-Unjoni Ewropea biex tikkumpensa d-dannu kollu sostnut mir-rikorrent fl-ammont li l-Qorti Ġenerali għandha tiffissa b’mod ekwu;
—
tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż tal-istanza.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrent jinvoka motiv wieħed prinċipali u ieħor sussidjarju bbażati fuq dannu li huwa allegatament ġarrab u li r-responsabbiltà għalih hija tal-Kunsill tal-unjoni Ewropea.
Il-motiv prinċipali huwa bbażat fuq il-fatt li l-miżuri ristrettivi kkontestati, jiġifieri d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/778 tat-28 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja u l-atti ta’ eżekuzzjoni sussegwenti, huma illegali. L-ewwel nett, huma jiksru l-obbligu ta’ motivazzjoni kif previst fl-Artikoli 296 TFUE u 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u, fit-tieni lok, huma jiksru d-dritt ta’ proprjetà tar-rikorrent u dritt għar-rispett tar-reputazzjoni tiegħu. Dan il-ksur qed jiġi allegat li kien il-kawża diretta ta’ dannu sostanzjali morali u pekunjarju kontrieh, li jikkonsisti rispettivament minn preġudizzju għar-reputazzjoni tiegħu, minn naħa, u għal ksur ta’ kuntratti, telf ta’ tagħmir u telf ta’ dħul, min-naħa l-oħra, li għalih huwa intitolat għal kumpens. Il-motiv sussidjarju huwa bbażat fuq l-eżistenza ta’ sistema ta’ responsabbiltà mingħajr nuqqas tal-Unjoni Ewropea.
Full & Egal Universal Law Academy