15.4.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 139/62
Rikors ippreżentat fil-31 ta’ Jannar 2019 — Othman vs Il-Kunsill
(Kawża T-58/19)
(2019/C 139/65)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Razan Othman (Damasku, is-Sirja) (rappreżentant: E. Ruchat, avukat)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tiddikjara l-azzjoni tar-rikorrenti ammissibbli u fondata;
—
konsegwentement, tordna lill-Unjoni Ewropea tikkumpensa d-dannu kollu mġarrab mir-rikorrenti b’ammont li l-Qorti Ġenerali tistabbilixxi b’ekwità;
—
tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż tal-kawża.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv prinċipali u motiv sussidjarju, ibbażati fuq l-allegat dannu li hija ġarrbet u li huwa responsabbli għalih il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Il-motiv prinċipali huwa bbażat fuq il-fatt li l-miżuri restrittivi inkwistjoni, jiġifieri d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/778 tat-28 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja, u l-atti sussegwenti ta’ implimentazzjoni, huma illegali. L-ewwel nett, huma jiksru l-obbligu ta’ motivazzjoni kif previst fl-Artikoli 296 TFUE u 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentalii tal-Unjoni Ewropea u, it-tieni nett, huma jiskru d-dritt tar-rikorrenti għal proprjetà, u d-dritt għar-rispett tar-reputazzjoni tagħha. Dan il-ksur kien il-kawża diretta ta’ dannu morali u materjali fil-konfront tagħha, li jikkonsisti rispettivament fi ksur għar-reputazzjoni tagħha, minn naħa, u fi ksur ta’ kuntratti, telf ta’ materjal u telf ta’ dħul, min-naħa l-oħra, li fir-rigward tagħhom hija ssostni li għandha dritt għal kumpens.
Il-motiv sussidjarju huwa bbażat fuq l-eżistenza ta’ sistema ta’ responsabbiltà mingħajr nuqqas fl-Unjoni Ewropea.
Full & Egal Universal Law Academy