15.4.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 139/63
Rikors ippreżentat fil-31 ta’ Jannar 2019 — Makhlouf vs Il-Kunsill
(Kawża T-59/19)
(2019/C 139/66)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrent: Ehab Makhlouf (Damasku, is-Sirja) (rappreżentant: E. Ruchat, avukat)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tiddikjara l-azzjoni tar-rikorrent ammissibbli u fondata;
—
konsegwentement, tordna lill-Unjoni Ewropea tipprovdi kumpens għad-danni subiti mir-rikorrent f’ammont li għandu jiġi stabbilit b’mod ekwu mill-Qorti Ġenerali;
—
tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż ta’ din l-istanza.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka motiv prinċipali u motiv sussidjarju, ibbażati fuq id-danni allegatament subiti minnu u li huwa responsabbli għalihom il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Il-motiv prinċipali huwa bbażat fuq il-fatt li l-miżuri restrittivi kontenzjużi, jiġifieri id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/778 tat-28 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja u l-atti sussegwenti ta’ eżekuzzjoni tagħha, huma illegali. Fl-ewwel lok, dawn jiksru l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikoli 296 TFUE u 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u, fit-tieni lok, dawn jippreġudikaw id-dritt tal-proprjetà tar-rikorrent, u d-dritt tar-rispett lejn ir-reputazzjoni tiegħu. Dan il-ksur ikkawżalu direttament danni morali u materjali, li jikkonsistu fi ħsara għar-reputazzjoni tiegħu wara l-inklużjoni tiegħu fil-listi ta’ sanzjonijiet u li għandu dritt li jiġi kkumpensat għalihom.
Il-motiv sussidjarju, min-naħa tiegħu, huwa bbażat fuq l-eżistenza ta’ sistema ta’ sistema ta’ responsabbiltà mingħajr ħtija tal-Unjoni Ewropea.
Full & Egal Universal Law Academy