15.4.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 139/65
Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Frar 2019 — Almashreq Investment Fund vs Il-Kunsill
(Kawża T-62/19)
(2019/C 139/68)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Almashreq Investment Fund (Damasku, is-Sirja) (rappreżentant: E. Ruchat, avukat)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tiddikjara l-azzjoni tar-rikorrenti ammissibbli u fondata;
—
konsegwentement, tordna lill-Unjoni Ewropea tipprovdi kumpens għad-danni subiti mir-rikorrenti f’ammont li għandu jiġi stabbilit b’mod ekwu mill-Qorti Ġenerali;
—
sussidjarjament, tordna l-ħatra ta’ espert bil-ħsieb li dan jistabbilixxi l-entità totali tad-danni subiti mir-rikorrenti;
—
tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż ta’ din l-istanza.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv prinċipali u motiv sussidjarju, ibbażati fuq id-danni allegatament subiti minnha u li huwa responsabbli għalihom il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Il-motiv prinċipali huwa bbażat fuq il-fatt li l-miżuri restrittivi kontenzjużi, jiġifieri id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/778 tat-28 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja u l-atti sussegwenti ta’ eżekuzzjoni tagħha, huma illegali. Fl-ewwel lok, dawn jiksru l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikoli 296 TFUE u 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u, fit-tieni lok, dawn jippreġudikaw id-dritt tal-proprjetà tar-rikorrenti, u d-dritt tar-rispett lejn ir-reputazzjoni tagħha. Dan il-ksur ikkawżalha direttament danni morali u materjali, li jikkonsistu respettivament, minn naħa, fi ħsara għar-reputazzjoni tagħha u min-naħa l-oħra, f’terminazzjoni ta’ kuntratti, telf materjali u telf ta’ qligħ, li għandha dritt li tiġi kkumpensata għalihom.
Il-motiv sussidjarju, min-naħa tiegħu, huwa bbażat fuq l-eżistenza ta’ sistema ta’ sistema ta’ responsabbiltà mingħajr ħtija tal-Unjoni Ewropea.
Full & Egal Universal Law Academy