1.4.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 122/24
Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Frar 2019 — BMC vs Il-Kummissjoni Ewropea u Impresa comune Clean Sky 2
(Kawża T-71/19)
(2019/C 122/27)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: BMC Srl (Medicina, l-Italja) (rappreżentanti: S. Dindo u L. Picotti, avukati)
Konvenuta: Commissione europea e Impresa comune Clean Sky 2
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Unità Clean Sky 2 tas-6 ta’ Diċembru 2018, li tikkonferma d-deċiżjoni tal-10 ta’ Ottubru 2018, li biha Clean Sky 2 qieset li ma kinitx finanzjabbli l-proposta Nru 831874 fir-rigward tas-sejħa għal proposti H2020-CS2-CFP08-2018-01, relattiva għal sistema ta’ aspirazzjoni għall-magna u sistemi ta’ protezzjoni kontra s-silġ għal skrejjen.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti ppreżentat il-proposta tagħha għall-parteċipazzjoni fis-sejħa għal proposti H2020-CS2- Fp08-2018-01 (Clean Sky 2 Call for proposals 08) immexxija minn Clean Sky 2 (Programm Clean Sky 2), li għandha bħala suġġett l-iżvilupp ta’ sistema ta’ aspirazzjoni għall-magna u sistemi ta’ protezzjoni kontra s-silġ għal skrejjen (integrating a removable anti-ice system).
Ir-rikorrenti ssostni li f’dan il-mument, hija l-unika impriża fid-dinja li solviet problema ta’ sikurezza fit-titjir għall-ħelikopter f’kundizzjonijiet ta’ silġ.
F’dan ir-rigward, huwa ppreċiżat li, anki jekk is-sejħa għal proposti kienet tirrigwarda proprju t-talba li jitressqu proposti għall-iżvilupp tas-sistema kontra s-silġ, Clean Sky 2 (jiġifieri l-Unità maħtura biex tmexxi s-sejħa għal proposti) qieset li l-proposta tar-rikorrenti ma kinitx tilħaq il-limitu minimu stabbilit mis-sejħa għal proposta.
Din id-deċiżjoni hija vvizzjata minn ksur tar-regoli tal-proċedura għall-motivi segwenti:
1.
Il-ksur tal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1290/2013 intitolat “Kriterji tal-għażla u tal-għoti” (b’mod partikolari fejn ingħata punteġġ medju meta mqabbel ma’ dawk stabbiliti mid-dispożizzjoni), kif ukoll tal-obbligu tal-motivazzjoni stabbilit fl-Artikoli 296 TFUE u 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.
2.
L-eżistenza f’dan il-każ ta’ użu ħażin ta’ poter billi għal kull wieħed mit-tliet kriterji ġie applikat punteġġ (medju) mhux previst fl-iskala tal-punti li biha jiġu evalwati l-proposti mressqa.
3.
L-eżistenza f’dan il-każ ta’ użu ħażin ta’ poter minħabba ksur tal-proċeduri u żnaturament tal-fatti, b’mod partikolari peress li ma humiex żgurati l-għanijiet imfittxija mill-att.
Full & Egal Universal Law Academy