15.4.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 139/66
Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Frar 2019 — CRIA u CCCMC vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-72/19)
(2019/C 139/69)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: China Rubber Industry Association (CRIA) (Beijing, iċ-Ċina) u China Chamber of Commerce of Metals, Minerals & Chemicals Importers & Exporters (CCCMC) (Beijing) (rappreżentanti: R. Antonini, E. Monard u B. Maniatis, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1690 tad-9 ta’ Novembru 2018 li jimponi dazji kumpensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti tajers pnewmatiċi ġodda jew b’wiċċ ġdid, ta’ tip użat għall-karozzi tal-linja jew għat-trakkijiet u b’indiċi tat-tagħbija li jaqbeż il-121 li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1579 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor definittivament id-dazju proviżorji impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti tajers pnewmatiċi, ġodda jew b’wiċċ ġdid, tal-lastiku, tat-tip użat għall-karozzi tal-linja jew għat-trakkijiet, b’indiċi tat-tagħbija li jaqbeż il-121, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/163, sa fejn dan jikkonċerna lir-rikorrenti u lill-membri rilevanti tagħhom; u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċeduri.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw sitt motivi.
1.
L-ewwel motiv, li jallega li billi wettaq l-evalwazzjoni tad-dannu abbażi tad-data “ponderata” tal-kumpanniji fil-kampjun, ir-Regolament ikkontestat kiser l-Artikoli 2(d), 8(1), (4) u (7) u 27 (flimkien mal-Artikolu 10(6)) tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ir-“Regolament bażiku kontra s-sussidji”). (1) Anki jekk jitqies li l-ponderazzjoni hija permessa, il-metodu li bih din saret jirriżulta fi ksur tal-Artikoli 8(1), (2) u (4) u 15(1) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji.
2.
It-tieni motiv, li jallega li l-inklużjoni ta’ tajers b’wiċċ ġdid ma tippermettix li l-Kummissjoni tikseb xi bażi biex loġikament tkompli bl-investigazzjoni tagħha, bi ksur tal-Artikoli 2(d), 8(1), (4) u (5) u 9(1) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji. In-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni mill-analiżi tad-dannu u tal-kawża tad-dannu, tas-segmentazzjoni bejn tajers ġodda u tajers b’wiċċ ġdid, ma huwiex ibbażat fuq provi reali u ma jammontax għal eżami oġġettiv bi ksur tal-Artikolu 8(1), (4) u (5) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji.
3.
It-tielet motiv, li jallega li l-evalwazzjoni tal-effetti fuq il-prezzijiet (twaqqigħ tal-prezz u bejgħ taħt il-prezz) u d-determinazzjoni tal-livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu jiksru l-Artikoli 8(1) u (2) u 15(1) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji, billi jonqsu milli jieħdu inkunsiderazzjoni l-ispiża ħafna ogħla għal kull kilometru ta’ tajer ġdid meta pparagunat ma’ tajer b’wiċċ ġdid u billi jibbażaw ruħhom fuq prezzijiet għall-esportazzjoni mibnija.
4.
Ir-raba’ motiv, li jallega li l-inkoerenzi, l-inkonsistenzi u n-nuqqas ta’ bażi ta’ prova reali u/jew oġġettiva tal-evalwazzjoni tal-kawża tad-dannu jikser l-Artikolu 8(1) u (5) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji. Ir-regolament ikkontestat jonqos ukoll milli jeżamina b’mod xieraq fatturi magħrufa oħrajn biex jiżgura li d-dannu kkawżat minn dawk il-fatturi l-oħra ma jiġix attribwit lill-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping b’mod kuntrarju għall-Artikolu 8(1) u (6) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji.
5.
Il-ħames motiv, li jallega li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u l-Artikoli 11(7), 29(1), (2) u (3) u 30(2) u (4) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji, billi naqset milli tikxef u tagħti aċċess lir-rikorrenti għal informazzjoni rilevanti għall-investigazzjoni u għad-determinazzjoni tad-dumping.
6.
Is-sitt motiv, li jallega l-livell tad-dazji antidumping imposti mir-Regolament ikkontestat jikser id-dispożizzjonijiet korrispondenti tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ir-“Regolament bażiku antidumping”) (2) u l-Artikoli 2(10)(b) u 2(7)(a) tar-Regolament bażiku antidumping.
(1) Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55).
(2) Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21).
Full & Egal Universal Law Academy