15.4.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 139/83
Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Frar 2019 — Garriga Polledo et vs Il-Parlament
(Kawża T-102/19)
(2019/C 139/84)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Salvador Garriga Polledo (Madrid, Spanja) u 45 rikorrent ieħor (rappreżentanti: A. Schmitt u A. Waisse, avukati)
Konvenut: Il-Parlament Ewropew
Talbiet
Ir-rikorrenti jitlobu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
sa fejn huwa meħtieġ, inkwantu miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew miżuri istruttorji tal-kawża, tordna lill-Parlament Ewropew jipproduċi l-opinjonijiet maħruġa mis-servizz legali tal-Parlament Ewropew, li ngħataw fis-16 ta’ Lulju 2018 kif ukoll fit-3 ta’ Diċembru 2018, mingħajr preġudizzju għad-data eżatta, iżda f’kull każ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni meħuda mill-bureau tal-Parlament fl-10 ta’ Diċembru 2018 li temenda l-Miżuri ta’ Implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew (ĠU 2018, C 466, p. 8);
—
tannulla d-deċiżjoni ċċitata iktar ’il fuq meħuda mill-bureau tal-Parlament fl-10 ta’ Diċembru 2018 li temenda l-Miżuri ta’ Implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew, sa fejn hija temenda l-Artikolu 76 tal-Miżuri ta’ Implimentazzjoni tal-Istatut (premessi (5) u (6), Artikolu 1(7)) u l-Artikolu 2 sa fejn huwa jirrigwarda l-Artikolu 76 tal-Miżuri ta’ Implimentazzjoni tal-Istatut tad-deċiżjoni ċċitata iktar ’il fuq), jew inkella, jekk l-elementi ċċitati iktar ’il fuq ma jitqiesux bħala separabbli mill-bqija tal-att ikkontestat, tannulla d-deċiżjoni ċċitata iktar ’il fuq meħuda fl-intier tagħha;
—
tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza ratione materiae tal-bureau
—
minn naħa, l-att ikkontestat ġie adottat bi ksur tal-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew adottat b’deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ Settembru 2005, 2005/684/KE, Euratom, (ĠU 2005, L 262, p. 1) (iktar ’il quddiem l-“Istatut”). L-att ikkontestat imur b’mod partikolari kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27 tal-Istatut li jimponi ż-żamma tad-“drittijiet miksuba” u tad-“drittijiet futuri”.
—
min-naħa l-oħra, l-att ikkontestat joħloq taxxa billi jistabbilixxi imposta speċjali ta’ 5 % tal-ammont nominali tal-pensjoni minkejja li l-ħolqien ta’ taxxa ma jaqax taħt il-kompetenza tal-bureau skont l-Artikolu 223(2) TFUE.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali
—
minn naħa, il-bureau huwa kkritikat li adotta l-att ikkontestat mingħajr ma osserva r-regoli imposti permezz tal-Artikolu 223 TFUE.
—
min-naħa l-oħra, l-att ikkontestat ma huwiex immotivat suffiċjentement u jikser għalhekk l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, u l-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet miksuba u drittijiet fil-proċess li jkunu miksuba u tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi
—
minn naħa, l-att ikkontestat jikser id-drittijiet miksuba u drittijiet fil-proċess li jkunu miksuba li jirriżultaw kemm mill-prinċipji ġenerali tad-dritt kif ukoll mill-Istatut, li jimponi b’mod esplitu li huma għandhom jinżammu “fl-intier tagħhom” (Artikolu 27).
—
min-naħa l-oħra, l-att ikkontestat jikser il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni
—
minn naħa, il-ksur tad-drittijiet tar-rikorrenti huwa sproporzjonat meta mqabbel mal-għanijiet segwiti permezz tal-att ikkontestat.
—
min-naħa l-oħra, l-att ikkontestat għandu jiġi annullat minħabba ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni.
5.
Il-ħames motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u fuq l-assenza ta’ miżuri tranżitorji
—
minn naħa, l-att ikkontestat jikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali sa fejn huwa għandu, b’mod irregolari, effetti retroattivi.
—
min-naħa l-oħra, l-att ikkontestat jikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali sa fejn huwa naqas milli jadotta miżuri tranżitorji.
Full & Egal Universal Law Academy