15.4.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 139/102
Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Frar 2019 — Dyson et vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-127/19)
(2019/C 139/105)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Dyson Ltd (Malmesbury, ir-Renju Unit) u 14-il rikorrent ieħor (rappreżentanti: E. Batchelor, T. Selwyn Sharpe u M. Healy, Solicitors)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tiddikjara l-konvenut responsabbli għad-dannu subit mir-rikorrenti minħabba l-adozzjoni tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 665/2013 tat-3 ta’ Mejju 2013 (1), fl-ammont ta’ madwar:
—
EUR 176 100 000, inklużi l-interessi kumpensatorji, għas-sitwazzjoni kontrofattwali li tikkonsisti fl-assenza ta’ ttikkettar, sa mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Delega Nru 665/2013 sad-19 ta’ Jannar 2019, meta r-regolament dwar l-ittikkettar ġie annullat; u/jew, sussidjarjament
—
EUR 127 100 000, inklużi l-interessi kumpensatorji, għas-sitwazzjoni kontrofattwali għal kontenitur mimli, sa mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Delega Nru 665/2013 sad-19 ta’ Jannar 2019, meta r-regolament dwar l-ittikkettar ġie annullat; u
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-konvenuta kisret l-Artikolu10(1) tad-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 (2), u li din qabżet il-limiti tal-kompetenza ġuridika tagħha kif permess mill-Artikolu 290 TFUE meta adottat metodu ta’ ttestjar ta’ kontenitur vojt fir-Regolament ta’ Delega Nru 665/2013.
Il-konvenuta naqset milli tirrikonoxxi element essenzjali tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2010/30 u qabżet il-kompetenza tagħha, b’mod kuntrarju għall-Artikolu 290 TFUE.
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-konvenuta kisret il-prinċipju fundamentali ta’ ugwaljanza fit-trattament meta adottat ir-Regolament ta’ Delega Nru 665/2013, li jwettaq diskriminazzjoni illegali bejn il-magni li jiġbdu t-trab tradizzjonali bil-borża u dawk mingħajr borża b’teknoloġija ċiklonika, bħal dawk tar-rikorrenti, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva.
3.
It-tielet motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-konvenuta kisret il-prinċipju fundamentali ta’ amministrazzjoni tajba u/jew id-dmir ta’ diliġenza tagħha meta adottat metodu ta’ ttestjar ta’ kontenitur vojt li: (i) jonqos milli jirrikonoxxi element essenzjali tad-Direttiva 2010/30; (ii) iwettaq diskriminazzjoni kontra teknoloġiji fundamentalment differenti; u (iii) ma jevalwax b’reqqa u b’imparzjalità l-metodi alternattivi ta’ ttestjar ta’ kontenitur mimli disponibbli f’mument partikolari.
4.
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-konvenuta kisret id-dritt fundamentali tar-rikorrenti għall-eżerċizzju ħieles ta’ attività kummerċjali.
Il-konvenuta adottat regolament li jiffavorixxi magni li jiġbdu t-trab tradizzjonali bil-borża li jbatu minn telf fil-prestazzjoni sa fejn il-kontenitur tagħhom jimtela’ bit-trab, b’detriment għal magni li jużaw teknoloġija ċiklonika, bħal dik tar-rikorrenti, li jżommu l-prestazzjoni tagħhom għall-perijodu kollu tal-użu. Dan irrestrinġa l-kapaċità tar-rikorrenti li jagħmlu l-kummerċ u li jikkompetu b’mod ġust ma’ kompetituri li l-prestazzjoni inferjuri tagħhom meta l-kontenitur jimtela’ bit-trab hija mgħottija bl-ittikkejjtar tal-konvenuta, previst għal ittestjar b’kontenitur vojt.
5.
Il-ħames motiv, ibbażat fuq il-fatt li dan il-ksur importanti tad-dritt tal-Unjoni kkawża lir-rikorrenti danni materjali u mhux materjali sinjifikattivi, li għalihom il-konvenuta għandha tinżamm responsabbli sabiex tikkumpensa lir-rikorrenti.
(1) Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 665/2013 tat 3 ta’ Mejju 2013 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettar enerġetiku tal-vacuum cleaners (ĠU 2010, L 153, p. 1, u rettifika ĠU 2017, L 59, p. 40)
(2) Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 19 ta’ Mejju 2010 dwar l-indikazzjoni permezz ta’ ttikkettar u l-informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-enerġija (ĠU 2010, L 153, p. 1)
Full & Egal Universal Law Academy