13.5.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 164/53
Rikors ippreżentat fl-1 ta’ Marzu 2019 — Bulgarian Energy Holding et vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-136/19)
(2019/C 164/57)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Bulgarian Energy Holding EAD (Sofija, il-Bulgarija), Bulgartransgaz EAD (Sofija), Bulgargaz EAD (Sofija) (rappreżentanti: K. Struckmann, avukat, M. Powell u A. Kadri, Solicitors)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tadotta miżuri ta’ organizzazzjoni ta’ proċedura jew miżuri istruttorji speċifikati fit-Taqsima 3.6 tar-rikors, jew kull miżura tali oħra kif il-Qorti jidhrilha neċessarju;
—
tannulla bis-sħiħ jew parzjalment id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018) 8806 finali, tas-17 ta’ Diċembru 2018, dwar proċedimenti skont l-Artikolu 102 TFUE (AT.39849 — BEH Gas);
—
tannulla jew tnaqqas il-livell ta’ multa imposta;
—
tikkundanna l-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw seba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li l-konvenuta kisret rekwiżiti proċedurali essenzjali, b’hekk kisret id-drittijiet ta’ difiża tar-rikorrenti.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li d-definizzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tas-suq rilevanti hija vvizzjata minn żbalji ta’ liġi u ta’ fatt, u b’nuqqas li twettaq analiżi tas-suq u tagħti raġunijiet adegwati.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-konstatazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata li Bulgargaz EAD, bħala waħda mir-rikorrenti, jew ir-rikorrenti kollha flimkien, kellha pożizzjoni dominanti fuq is-suq għal servizzi ta’ kapaċità, hija vvizzjata minn żbalji ta’ liġi u l-evalwazzjoni tagħha tal-fatti.
4.
Ir-raba motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tikser it-trattati tal-Unjoni Ewropea billi tonqos milli tistabbilixxi, mal-istandard meħtieġ, li l-kondotta deskritta fid-deċiżjoni kkontestata tammonta għal ksur tal-Artikolu 102 TFUE, fid-dawl ta’ żbalji fl-applikazzjoni tal-liġi u l-evalwazzjoni tagħha tal-fatti.
5.
Il-ħames motiv ibbażat fuq il-fatt li l-konstatazzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata dwar it-tul tal-ksur allegat huma vvizzjati minn żbalji ta’ liġi u fl-evalwazzjoni tagħha tal-fatti.
6.
Is-sitt motiv ibbażat fuq il-fatt li billi tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 Diċembru 2002 (1), it-trattati tal-UE kienu tkisru, fil-proċess.
7.
Is-seba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li l-multa għandha tiġi annullata jew mnaqsa fid-dawl tan-nuqqas tad-deċiżjoni kkontestata li taderixxi mal-linji gwida tal-multi tal-konvenuta, jew sussidjarament fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni illimitata tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 261 TFUE fuq il-bażi li l-multa hija fiċ-ċirkustanzi kollha sproporzjonata għall-kondotta li qed tiġi ssanzjonata.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).
Full & Egal Universal Law Academy