13.5.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 164/58
Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Marzu 2019 — Bronckers v Il-Kummissjoni
(Kawża T-166/19)
(2019/C 164/61)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrent: Marco Bronckers (Brussell, il-Belġju) (rappreżentant: P. Kreijger, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Jannar 2019 fuq il-bażi tar-Regolament (KE) 1049/2001 (1) li tiċħad it-talba konfermatorja tar-rikorrent għal aċċess għad-dokumenti msemmija fil-Kumitat Konġunt ta’ Spirti Alkoħoliċi stabbilit skont il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti Messikani dwar ir-rikonoxximent reċiproku u l-protezzjoni ta’ appellazzjonijiet ta’ spirti alkoħoliċi; (2)
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċeduri, inklużi tal-ispejjeż sostnuti mir-rikorrent.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-allegat rifjut tal-Kummissjoni tat-talba għal aċċess jikser it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (KE) 1049/2001, u/jew jikser l-Artikolu 296 TFUE.
2.
It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-allegat rifjut tal-Kummissjoni tat-talba għal aċċess jikser l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) 1049/2001, u/jew jikser l-Artikolu 296 TFUE, peress li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-aċċess għad-dokumenti kollha mitluba jippreġudika l-interessi kummerċjali tal-Consejo Regulador del Tequila (CRT) jew tal-membri tiegħu.
3.
It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kkonstatat b’mod żbaljat li r-rikorrent naqas milli juri interess pubbliku superjuri għall-iżvelar.
4.
Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-fatt li r-rifjut tal-Kummissjoni għad-dritt ta’ aċċess parzjali jikkostitwixxi applikazzjoni skorretta tal-Artikolu 4(6) u/jew tal-Artikolu 4(7) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 u/jew jikser l-Artikolu 296 TFUE.
(1) Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, p. 43)
(2) Deċiżjoni tal-Kunsill 97/361/KE tas-27 ta’ Mejju 1997 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti tal-Messiku fuq ir-rikonoxximent reċiproku u l-protezzjoni tad-denominazzjoni ta’ spirti alkoħoliċi (ĠU 1997, L 152, p. 15)
Full & Egal Universal Law Academy