20.5.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 172/40
Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Marzu 2019 — AV u AW vs Il-Parlament
(Kawża T-173/19)
(2019/C 172/54)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: AV u AW (rappreżentanti: L. Levi u S. Rodrigues, avukati)
Konvenut: Il-Parlament Ewropew
Talbiet
Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tiddikjara dan ir-rikors ammissibbli u fondat;
konsegwentement,
—
tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati;
—
tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż kollha.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur, minn naħa, tal-Artikolu 78 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1) u, min-naħa l-oħra, tad-drittijiet tad-difiża. Ir-rikorrenti jsostnu f’dan ir-rigward li huma ma ġew informati b’ebda deċiżjoni amministrattiva ta’ ordni ta’ rkupru qabel ma ġew adottati d-deċiżjonijiet ikkontestati tal-irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq l-assenza ta’ bażi legali valida peress li l-kuntest dixxiplinarju li fih jaqgħu d-deċiżjonijiet ikkontestati jipprekludi li dawn ikunu bbażati fuq l-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal. Skont ir-rikorrenti, anki jekk id-deċiżjonijiet ikkontestati jistgħu jiġu bbażati fuq l-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, dawn id-deċiżjonijiet huma vvizzjati b’illegalità billi l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma humiex issodisfatti f’dan il-każ.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ dmir ta’ premura minħabba, b’mod partikolari, li l-konvenut ma ħax ħsieb jivverifika l-eżattezza tal-irregolarità misjuba mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF).
5.
Il-ħames motiv ibbażat fuq l-użu ħażin ta’ poter imwettaq min-naħa tal-Parlament, sa fejn dan ħa d-deċiżjonijiet ikkontestati bl-iskop, jekk mhux esklużiv, tal-inqas determinanti, li jilħaq għanijiet li ma humiex dawk tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri r-rieda li jissanzjona lir-rikorrenti b’mod li ma huwiex dak ta’ sanzjoni dixxiplinarja.
Full & Egal Universal Law Academy