20.5.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 172/41
Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Marzu 2019 — 3V Sigma vs ECHA
(Kawża T-176/19)
(2019/C 172/55)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: 3V Sigma SpA (Milano, l-Italja) (rappreżentanti: C. Bryant u S. Hainsworth, Solicitors u C. Krampitz, avukat)
Konvenuta: Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tiddikjara t-talba ammissibbli;
—
tannulla d-deċiżoni tal-Bord tal-Appell tal-konvenuta tal-15 ta’ Jannar 2019 rigward l-evalwazzjoni tas-sustanza ta’ bis(2-etilessil) 4,4’-{6-[4-tert- butilkarbamojl) anilino]-1,3,5-triażine-2,4- diildiimino}dibenżoat sa fejn (i) ċaħdet l-appell amministrattiv tar-rikorrenti kontra d-deċiżjoni oriġinali u (ii) iddeċidiet li r-rikorrenti għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-istudju OECD TG 308 sat-22 ta’ Ottubru 2020; u
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.
1.
L-ewwel motiv fejn qed jiġi allegat li twettqu żball ta’ liġi kif ukoll żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ġie kkunsidrat li l-istudju OECD TG 308 huwa neċessarju.
Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell tal-konvenuta wettaq żball ta’ liġi kif ukoll wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta naqas milli jagħmel distinzjoni, minn naħa waħda, bejn il-kundizzjonijiet li taħthom għandhom jitwettqu t-testijiet sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza jew, inkella, trasformazzjoni u/jew prodotti ta’ degradazzjoni ta’ sustanza u, min-naħa l-oħra, il-kundizzjonijiet li taħthom għandha titwettaq evalwazzjoni tal-proprjetajiet persistenti, bijoakkumulattivi u tossiċi jew proprjetajiet persistenti ħafna u bijoakkumulattivi ħafna ta’ kwalunkwe trasformazzjoni u/jew prodott ta’ degradazzjoni. Bħala riżultat, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell tal-konvenuta kien wettaq żball meta kkonkluda li l-istudju OECD TG 308 mitlub mingħand ir-rikorrenti kien neċessarju.
2.
It-tieni motiv fejn qed jiġi allegat li l-Bord tal-Appell tal-konvenuta wettaq żball ta’ liġi kif ukoll wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta stabbilixxa li t-temperaturi tal-ittestajr indikati huma xierqa.
Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell tal-konvenuta wettaq żball ta’ liġi kif ukoll wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkluda li t-temperatura tal-ittestajr indikata għall-istudju OECD TG 308, jiġifieri 20 C, kienet xierqa. Il-Bord tal-Appell tal-konvenuta naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li t-twettiq tal-istudju bi temperatura ogħla kien ikollu impatt materjali fuq il-konċentrazzjonijiet ta’ kwalunkwe trasformazzjoni u/jew prodotti ta’ degradazzjoni ffurmati u, konsegwentement, fuqhom, jew kwalunkwe minnhom, ikunu għalhekk suġġetti għal evalwazzjoni persistenti, bijoakkumulattiva u tossika/persistenti ħafna u bijoakkumulattiva ħafna, li jippreġudika b’mod kritiku l-adegwatezza tal-istudju.
Full & Egal Universal Law Academy