3.6.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 187/80
Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Marzu 2019 — Exxonmobil Petroleum & Chemical vs ECHA
(Kawża T-177/19)
(2019/C 187/87)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Exxonmobil Petroleum & Chemical BVBA (Antwerpen, il-Belġju) (rappreżentanti: M. Navin-Jones, Solicitor u A. Kołtunowska, avukat)
Konvenuta: L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;
—
tannulla d-deċiżjoni tal-ECHA Nru ED/88/2018 dwar l-inklużjoni ta’ sustanzi ta’ tħassib serju ħafna fil-lista ta’ kandidati sabiex jiġu eventwalment inklużi fl-Anness XIV, ippubblikata fil-15 ta’ Jannar 2019, sa fejn din tirrigwarda il-fenantren, u
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-konvenuta wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tagħha tal-proprjetajiet persistenti ħafna tal-fenantren u marret lil hinn mill-kompetenzi tagħha u kisret l-Artikolu 59 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 (1) billi:
—
billi bbażat ruħha fuq sejbiet fid-dokument ta’ sostenn tal-Kumitat tal-Istati Membri dwar proprjetajiet persistenti ħafna tal-fenantren bħala komponent tal-qatran tal-faħam, f’temperatura għolja, mingħajr ma għamlet l-evalwazzjoni rispettiva tagħha tal-informazzjoni disponibbli u għalhekk adottat l-iżbalji li kienu jivvizzjaw dak id-dokument ta’ sostenn;
—
billi laħqet konklużjonijiet dwar il-proprjetajiet persistenti ħafna tal-fenantren li ma setgħux jiġu sostnuti mill-provi użati;
—
billi naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni provi disponibbli li kienu jqajjmu mistoqsijiet serji dwar l-affidabbiltà tal-Istudju dwar is-simulazzjoni tas-sedimenti tal-ilma OECD 308 fir-rigward tal-fenantren;
—
billi naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni informazzjoni li tikkontesta l-użu ta’ kalkolu għall-aġġustament tar-riżultati tal-Istudju OECD 308 sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni t-temperatura;
—
billi naqset milli tevalwa l-provi l-ġodda dwar il-persistenza tal-fenantren li kellhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħha fil-kuntest tal-konsultazzjoni pubblika; u
—
billi naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni kollha rilevanti fid-determinazzjoni permezz tas-saħħa probatorja tal-proprjetajiet persistenti tal-fenantren speċifikament fir-rigward tal-fotodegradazzjoni, dissoluzzjoni u volatilizzazzjoni tal-fenantren.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li billi adottat l-att ikkontestat, il-konvenuta kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità sanċit fid-dritt tal-Unjoni.
(1) Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1)
Full & Egal Universal Law Academy