27.5.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 182/34
Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Marzu 2019 — Kalai vs Il-Kunsill
(Kawża T-178/19)
(2019/C 182/39)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrent: Nader Kalai (Halifax, il-Kanada) (rappreżentant: G. Karouni, avukat)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla, sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lir-rikorrent:
—
id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/87 tal-21 ta’ Jannar 2019 li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja;
—
ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/85 tal-21 ta’ Jannar 2019 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja;
—
tikkundanna lill-Kunsill għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 2000 000.00 bħala kumpens għad-danni kollha flimkien;
—
tikkundanna lill-Kunsill ibati l-ispejjeż tiegħu stess kif ukoll dawk sostnuti mir-rikorrent u li huwa jirriżerva d-dritt li jiġġustifika matul il-proċedura skont l-Artikolu 134 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li skontu l-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ xieraq. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent, billi jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fudnamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u l-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali kif ukoll fuq ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, isostni li huwa kellu jinstema’ qabel ma l-Kunsill adotta l-miżuri restrittivi fil-konfront tiegħu u li konsegwentement id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent ma ġewx irrispettati.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jirriżulta mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE. Ir-rikorrent jikkritika lill-Kunsill li kkuntenta ruħu b’kunsiderazzjonijiet vagi u ġenerali mingħajr ma semma, b’mod speċifiku u konkret, ir-raġunijiet li għalihom, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ta’ evalwazzjoni tiegħu, qies li r-rikorrent għandu jiġi suġġett għall-miżuri restrittivi inkwistjoni. Għaldaqstant, ebda element konkret u oġġettiv li bih jista’ jiġi kkritikat ir-rikorrent u li jista’ jiġġustifika l-miżuri inkwistjoni ma jista’ invokat.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni, sa fejn, fil-motivazzjoni tiegħu insostenn tal-miżura restrittiva, il-Kunsill ibbaża ruħu fuq elementi li manifestament isofru mill-assenza ta’ bażi fattwali. Għaldaqstant, il-fatti invokati huma nieqsa minn kull bażi serja.
4.
Ir-raba “motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta”proporzjonalita fil-ksur tad-drittijiet fundamentali. Fil-fatt, ir-rikorrent iqis li l-miżura kontenzjuża għandha tiġi invalidata sa fejn hija sproporzjonata fir-rigward tal-għan indikat, u tikkostitwixxi interferenza eċċessiva fil-libertà ta’ intrapriża u fid-dritt għall-proprjetà, sanċiti fl-Artikoli 16 u 17 tal-Karta rispettivament. L-isproporzjon jirriżulta mill-fatt li l-miżura tirrigwarda kull attività ekonomika influwenti mingħajr ebda kriterju ieħor.
5.
Il-ħames motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għall-proprjetà. Billi jibbaża ruħu fuq l-Artikoli 17 u 52 tal-Karta, ir-rikorrent isostni li miżura ta’ ffriżar ta’ fondi inkontestabbilment iġġib magħha restrizzjoni fuq l-użu tad-dritt għall-proprjeta u li, f’dan il-każ, l-iffriżar ta’ fondi riżultanti mill-attivitajiet tar-rikorrent neċessarjament jikkawża preġudizzju sproporzjonat meta mqabbel mal-għan imfittex mill-Kunsill.
Full & Egal Universal Law Academy