24.6.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 213/40
Rikors ippreżentat fl-4 ta’ April 2019 — BF vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-190/19)
(2019/C 213/42)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: BF (rappreżentanti: S. Gesterkamp, avukat, u C. König, professur)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tikkonstata li, b’effett mit-18 ta’ Diċembru 2018, id-data tal-preżentata b’mod elettroniku tat-tieni ittra ta’ intimazzjoni tar-rikorrent, il-konvenuta, minħabba nuqqas li tieħu azzjoni, naqset milli twettaq l-obbligu tagħha li tadotta deċiżjoni li tagħlaq il-proċedura ta’ eżami preliminari fil-każ ta’ għajnuna mill-Istat SA.48706 (RVV Rostocker Versorgungs- und Verkehrs-Holding GmbH und Nordwasser GmbH) u li kellha tiġi kkomunikata lir-rikorrent, bħala persuna li ressqet ilment, u dan kemm jekk din tkun deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali u kemm jekk tkun deċiżjoni li ma tinfetaħx tali proċedura;
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż tal-kawża; kif ukoll
—
bħala miżura kawtelatorja u sussidjarjament fil-każ li l-konvenuta tieħu azzjoni lis pendens, tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż tal-kawża.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka l-motivi segwenti.
Fl-ewwel lok, ir-rikorrent isostni li l-kundizzjonijiet għal rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni huma ssodisfatti u dan sa fejn, fid-data tal-preżentata tat-tieni ittra ta’ intimazzjoni, il-fatti għal deċiżjoni li tagħlaq il-proċedura ta’ eżami preliminari taħt l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2015/1589 (1) kienu jinsabu fi stadju fejn setgħet tittieħed deċiżjoni.
Fit-tieni lok, ir-rikorrent isostni li fl-ittra amministrattiva tagħha tas-17 ta’ Diċembru 2018, il-konvenuta invokat biss, minn aspett normattiv, monopolju legali favur Nordwasser GmbH ibbażat fuq tranżazzjoni interna, li jista’ jeskludi distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, mingħajr ma indirizzat punti ta’ fatt, bħal pereżempju l-kwistjoni ta’ jekk kienx hemm favoritiżmu.
Fit-tielet lok, ir-rikorrent jargumenta li huwa kien diġà oġġezzjona, permezz tal-ilment tiegħu ppreżentat fi stadju bikri tal-proċedura, għall-istabbiliment ta’ monopolju legali li huwa konformi mad-dritt tal-Unjoni. Fi kwalunkwe każ, kien imissha ppreżentat il-pożizzjoni legali tagħha fuq il-bażi tal-fatti eżistenti tal-każ u, għaldaqstant, sa mhux iktar tard minn Diċembru 2018 kellha minn tal-inqas tadotta deċiżjoni, li tista’ tiġi kkontestata, li ma tinfetaħx proċedura skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) 2015/1589.
(1) Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9).
Full & Egal Universal Law Academy