17.6.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 206/50
Rikors ippreżentat fl-4 ta’ April 2019 — Achema u Achema Gas Trade vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-193/19)
(2019/C 206/52)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Achema AB (Jonava, il-Litwanja) u Achema Gas Trade UAB (Jonava) (rappreżentanti: J. Ruiz Calzado, J. Wileur, u N. Solárová, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018) 7141 finali, adottata mill-Kummissjoni Ewropea fil-31 ta’ Ottubru 2018 fil-każ ta’ għajnuna mill-Istat SA.44678 (2018/N) — il-Litwanja — Modifika tal-għajnuna għal Terminal tal-LNG fil-Litwanja;
—
tikkundanna l-Kummissjoni u xi intervenjenti insostenn tal-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikorsn tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw motiv wieħed biss, sa fejn il-Kummissjoni naqset milli tibda proċedura ta’ investigazzjoni formali, b’hekk neħħiet lir-rikorrenti u lill-partijiet terzi kkonċernati mid-drittijiet proċedurali tal-Artikolu 108(2) TFUE.
—
Ir-rikorrenti jargumentaw li l-provi kollha f’dan il-każ jindikaw li l-Kummissjoni kien imissha kellha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mas-suq intern u għalhekk kien imissha fetħet investigazzjoni formali. Il-provi jvarjaw mit-tul tal-investigazzjoni preliminarji, ċirkustanzi oħra li fihom id-deċiżjoni kkontestata kienet adottata u d-difetti riflessi fil-kontenut tad-deċiżjoni, li hija mmotivata b’mod insuffiċjenti u vvizzjata minn żbalji serji ta’ evalwazzjoni. Barra minn hekk, huwa allegat li l-Kummissjoni injorat aspetti rilevanti ħafna li kien imisshom ġew meqjusa qabel ma kkonkludiet li kellha biżżejjed informazzjoni biex tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern.
—
B’mod partikolari, ir-rikorrenti jargumentaw li: (i) l-evalwazzjoni tal-bżonn għal Servizz ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali (SGEI) u l-iskop tiegħu hija difettuża u insuffiċjenti; (ii) il-Kummissjoni żbaljat meta kkonstatat li l-għajnuna kienet konformi mal-qafas SGEI; (iii) id-deċiżjoni kkontestata ma evalwatx b’mod suffiċjenti l-aħħar emendi għall-għajnuna u għalhekk nieqsa minn raġunar xieraq; (iv) l-evalwazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata tal-bżonn u l-proporzjonalità tal-miżuri ta’ għajnuna hija difettuża u insuffiċjenti; u (v) id-deċiżjoni kkontestata tonqos milli tevalwa suffiċjentement l-impatt sinjifikattiv fuq il-kompetizzjoni fil-provvista ta’ gass fil-Litwanja u l-kummerċ ma’ Stati Membri oħra.
Full & Egal Universal Law Academy