17.6.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 206/55
Rikors ippreżentat fil-5 ta’ April 2019 — BL u BM vs Il-Kunsill et
(Kawża T-204/19)
(2019/C 206/56)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: BL u Bank Mellat (rappreżentant: N. de Montigny, avukat)
Konvenuti: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Il-Kummissjoni Ewropea, Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u Eulex Kosovo
Talbiet
Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
prinċipalment,
—
fir-rigward tad-drittijiet li jirriżultaw mill-kuntratt tad-dritt privat,
—
tikkwalifika mill-ġdid ir-relazzjoni kuntrattwali tagħhom bħala kuntratt ta’ impjieg għal żmien indeterminat;
—
tikkonstata l-ksur mill-konvenuti tal-obbligi kuntrattwali tagħhom u, b’mod partikolari, tan-notifika ta’ preavviż validu fil-kuntest tat-terminazzjoni ta’ kuntratt għal żmien indeterminat;
—
konsegwentement, tikkundanna lill-konvenuti jħallsu lir-rikorrenti kumpens għad-danni ta’ preavviż ikkalkolat abbażi tas-snin li ilhom fis-servizz rispettivament jiġifieri:
—
għal BL: ammont ta’ EUR 48 424.65;
—
għal BM: ammont ta’ EUR 31 552,75;
—
tiddeċiedi li t-tkeċċija tar-rikorrenti hija irregolari u tikkundanna, konsegwentement, lill-konvenuti jħallsuhom kumpens evalwat ex aequo et bono għal:
—
EUR 75 000 id-dannu sostnut minn BM;
—
EUR 90 000 id-dannu sostnut minn BL;
—
tikkonstata li l-konvenuti ma ppreparawx id-dokumenti soċjali legali fi tmiem il-kuntratt u
—
tikkundannahom iħallsu lir-rikorrenti pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 100 għal kull ġurnata ta’ dewmien mid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors;
—
tikkundannahom jittrażmettu d-dokumenti soċjali ta’ tmiem il-kuntratt lir-rikorrenti;
—
tikkundanna lill-konvenuti jħallsu l-interessi fuq is-somom iċċitati iktar ’il fuq, ikkalkolati skont ir-rata legali Belġjana;
—
fir-rigward tad-drittijiet l-oħra:
—
tikkonstata li r-rikorrenti kellhom jiġu rreklutati bħala membri tal-persunal temporanju ta’ waħda mit-tliet konvenuti u tiddikkjara li l-ewwel tliet konvenuti ttrattaw lir-rikorrenti b’mod diskriminatorju, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva, f’dak li jikkonċerna r-remunerazzjoni tagħhom, id-drittijiet għall-pensjoni tagħhom u vantaġġi relatati, kif ukoll f’dak li jikkonċerna l-garanzija ta’ impjieg ulterjuri;
—
tikkundanna lill-ewwel tliet rikorrenti jikkumpensaw lil kull wieħed mir-rikorrenti għat-telf ta’ remunerazzjoni, ta’ pensjoni, ta’ kumpensi u ta’ vantaġġi kkawżat mill-ksur tad-dritt Komunitarju kkunsidrat f’dan ir-rikors;
—
tikkundannahom iħallsu l-interessi fuq dawn is-somom;
—
tiffissa terminu għall-partijiet sabiex jistabbilixxu l-imsemmi kumpens filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-grad u l-iskala li r-rikorrenti kellhom ikunu rispettivament impjegati fihom, tal-progress medju ta’ remunerazzjoni, tal-evoluzzjoni tal-karriera rispettiva tagħhom, tal-allokazzjonijiet li kellhom jirċievu abbażi ta’ dawn il-kuntratti ta’ membri tal-persunal temporanju, u tikkompara r-riżultati miksuba mar-remunerazzjoni effettivament riċevuta mir-rikorrenti;
—
sussidjarjament,
—
tikkundanna lill-istituzzjoni jikkumpensaw ex aequo et bono, lir-rikorrenti għal responsabbiltà mhux kuntrattwali li tirriżulta min-nuqqas ta’ osservanza tad-drittijiet fundamentali tagħhom;
—
EUR 105 000 fil-konfronti ta’ BM;
—
EUR 130 000 fil-konfronti ta’ BL;
—
tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw, b’mod partikolari, seba’ motivi sabiex jiksbu l-kwalifika mill-ġdid tal-kuntratti ta’ impjieg tagħhom mal-istituzzjonijiet f’kuntratt għal żmien indeterminat u għall-kisba ta’ kumpens għad-dannu sostnut minħabba d-deċiżjoni li ma jiġix imġedded il-kuntratt rispettiv tagħhom, kif ukoll tal-għażla tal-istituzzjonijiet li japplikaw għall-persunal bil-kuntratt internazzjonali regoli li ma humiex neċessarjament konformi mad-drittijiet fundamentali tagħhom.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq abbuż ta’ liġi mwettaq mill-konvenuti fl-użu suċċessiv ta’ kuntratti għal żmien determinat u tal-ksur minn dawn tal-aħħar tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur mill-konvenuti tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur mill-konvenuti tad-dritt għal smigħ tar-rikorrenti.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ ċertezza legali kkawżata mill-konvenuti fil-konfront tar-rikorrenti u fuq il-ksur minn dawn tal-aħħar tad-dritt għal amministrazzjoni tajba.
5.
Il-ħames motiv ibbażat fuq il-ksur mill-konvenuti tal-prinċipju ta’ konsultazzjoni tar-rappreżentanti tal-persunal.
6.
Is-sitt motiv ibbażat fuq il-ksur mill-konvenuti tal-Kodiċi Ewropew ta’ Amministrazzjoni Tajba.
7.
Is-seba’ motiv ibbażat fuq ksur mill-konvenuti tad-dritt għall-moviment liberu tal-ħaddiema.
Barra minn hekk, ir-rikorrenti jinvokaw l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni bejn il-ħaddiema fi ħdan l-istituzzjonijiet u, b’mod partikolari, fir-rigward tad-drittijiet rikonoxxuti lill-membri tal-persunal temporanji, b’mod partikolari n-nuqqas ta’ ħlas ta’ diversi allokazzjonijiet, il-kontribuzzjoni għall-fond tal-pensjoni, ir-rimbors tal-ispejjeż u, potenzjalment, in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ 20 sena ta’ servizz.
Full & Egal Universal Law Academy