3.6.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 187/84
Rikors ippreżentat fil-5 ta’ April 2019 — Le Pen vs Il-Parlament
(Kawża T-211/19)
(2019/C 187/90)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Jean-Marie Le Pen (Saint-Cloud, Franza) (rappreżentant: F. Wagner, avukat)
Konvenut: Il-Parlament Ewropew
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew P8_TA-PROV(2019)0136 tat-12 ta’ Marzu 2019 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità tar-rikorrent 2018/2247(IMM), u li effettivament tneħħi l-immunità tar-rikorrent;
—
tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż kollha.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2010, C 83, p. 266), tal-Artikolu 5(1) u (5) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew (ĠU 2005, L 44, p. 1) u tal-Komunikazzjonijiet lill-Membri Nri 11/2003 u 11/2016.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq l-użu ħażin ta’ proċedura. Ir-rikorrent iqis li billi aċċetta t-tneħħija tal-immunità Parlamentari tar-rikorrent, il-Parlament jippermetti lill-Imħallef inkwerenti Franċiż jissostitwixxi ruħu għall-perijodu 2009-2014 għas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament u jikser għaldaqstant l-Artikolu 68(1) tal-Miżuri ta’ Implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew li jagħti kompetenza esklużiva lill-imsemmi Segretarju Ġenerali sabiex jiddeċiedi dwar somom imħallsa indebitament u sabiex jordna l-ħruġ ta’ titolu eżekuttiv kontra l-Membru tal-Parlament Ewropew ikkonċernat.
3.
It-tielet motiv, ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter, użu ħażin ta’ proċedura u l-ksur ta’ terminu raġonevoli sabiex tinfetaħ kawża. Ir-rikorrent isostni li l-Parlament għamel użu ħażin ta’ proċedura li jaffettwa l-eżerċizzju min-naħa tar-rikorrent tad-drittijiet ta’ difiża tiegħu, sa fejn wara kważi tliet mandati mingħajr ebda talba mis-Segretarju Ġenerali tal-Parlament, ir-rikorrent ma qiesx neċessarju li jżomm provi tax-xogħol tal-assistenti tiegħu u ma jinsabx f’pożizzjoni li jirrispondi lill-Imħallef.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 43 tal-Komunikazzjoni lill-Membri 11/2016, inkwantu l-iskop sottostanti tal-proċeduri huwa li l-attività tal-Membri Parlamentari ta’ wieħed mill-partiti prinċipali tal-oppożizzjoni tal-Parlament issir iktar diffiċli.
Full & Egal Universal Law Academy