12.8.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 270/30
Rikors ippreżentat fit-8 ta’ April 2019 — Le Comité de Douzelage de Houffalize vs Il-Kummissjoni u EACEA
(Kawża T-236/19)
(2019/C 270/32)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrent: Le Comité de Douzelage de Houffalize (Houffalize, il-Belġju) (rappreżentant: A. Kettels, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea u L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA)
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla u/jew tirriforma l-att ikkontestat
—
tikkonstata li l-Kumitat rikorrent huwa fid-dritt li jara l-formula tiegħu “entità legali” tiġi vvalidata u tikseb konsegwentement, il-finanzjament inkwistjoni.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2019) 572 finali, tal-4 ta’ Frar 2019, li tiċħad l-appell amministrattiv ippreżentat mir-rikorrent kontra d-deċiżjoni tal-EACEA, tal-25 ta’ Ġunju 2018, li ma tagħtix is-sussidju għall-kandidatura ppreżentata minn dan tal-aħħar fil-kuntest tas-sejħa għall-kandidaturi “Jumelages de villes 2017, it-tieni skadenza” (EACEA 36/2014), ir-rikorrent jinvoka motiv wieħed biss. Dan il-motiv huwa mislut minn:
—
il-ksur tal-Artikolu 131.2 tar-Regolament Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002;
—
il-ksur tal-prinċipju tal-aspettativi leġittimi u taċ-ċertezza legali;
—
il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-projbizzjoni tal-eżerċizzju arbitrarju;
—
l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni;
—
u mill-assenza ta’ motivazzjoni xierqa, suffiċjenti u rilevanti, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tqis li l-aspettativi leġittimi u ċ-ċertezza legali tal-Kumitat rikorrent ma ġewx miksura.
Minkejja, skont ir-rikorrent, li din id-deċiżjoni ma tissodisfax il-kontestazzjoni speċifika żviluppata f’dan ir-rigward minn dan tal-aħħar. Fil-fatt, ir-risposti fformulati huma jew mingħajr ebda rabta mal-argument żviluppat mill-Kumitat fit-talba tiegħu għall-eżami mill-ġdid, jew manifestament insuffiċjenti li tiġġustifika ċ-ċaħda tal-argument meħud mill-ksur tal-prinċipju tal-aspettativi leġittimi u taċ-ċertezza legali, jew inkella fi kwalunkwe każ, kuntrarji għall-portata ta’ dan il-prinċipju.
Ir-rikorrent iqis li jista’ jipprofitta minn aspettativi leġittimi li jirrigwardaw l-fatt li jsir magħruf bħala entità mingħajr personalità legali ammissibbli għas-sussidji li għalhekk ġew irrifjutati lilu. Dan jislet dawn l-aspettativi leġittimi mid-deċiżjonijiet ta’ għoti ta’ sussidji li ġew innotifikati lilu, għal żmien fejn kellu diġà l-istess forma ġuridika, jiġifieri dik tal-assoċjazzjoni tal-fatt, li s-sitwazzjoni tiegħu tal-fatt u tad-dritt kienet identika, u li n-normi li rregolaw l-ammissibbiltà tal-entitajiet mingħajr personalità legali ma ġewx emendati minn dakinhar. Għaldaqstant ma teżisti ebda raġuni li wieħed jerġa’ lura fuq dawn l-aspettativi leġittimi u li tiġi adottata pożizzjoni differenti minn dik adottata fil-passat.
Full & Egal Universal Law Academy