24.6.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 213/55
Rikors ippreżentat fid-9 ta’ April 2019 — Wepa Hygieneprodukte et vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-238/19)
(2019/C 213/54)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: Wepa Hygieneprodukte GmbH (Arnsberg, il-Ġermanja), Wepa Leuna GmbH (Leuna, il-Ġermanja), Wepa Papierfabrik Sachsen GmbH (Arnsberg) (rappreżentanti: H. Janssen u A. Vallone, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea nnotifikata bid-dokument C(2018) 3166 (ĠU 2019, L 14, p. 1) tat-28 ta’ Mejju 2018 dwar skema ta’ għajnuna SA.34045 (2013/c) (ex 2012/NN) implimentata mill-Ġermanja għall-konsumaturi ta’ karga bażika skont l-Artikolu 19 tar-Regolament StromNEV, kif ukoll
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż tal-kawża.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikors huwa bbażat fuq motiv wieħed li permezz tiegħu r-rikorrenti jsostnu li l-eżenzjoni mit-tariffi tan-netwerk ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu, l-ewwel nett, li l-eżenzjoni mit-tariffi tan-netwerk ma tinvolvix l-użu ta’ riżorsi tal-Istat jew ta’ riżorsi mogħtija mill-Istat. It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-konvenuta żbaljat meta kkunsidrat li s-soprataxxa prevista fl-Artikolu 19 tikkostitwixxi “imposta” jew “imposta parafiskali” li l-Istat jimponi fuq il-konsumatur finali fis-sens tas-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et (C-206/06, EU:C:2008:413).
Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-konsumaturi ta’ karga bażika ma bbenefikaw minn ebda vantaġġ selettiv.
Full & Egal Universal Law Academy