3.6.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 187/86
Rikors ippreżentat fl-10 ta’ April 2019 — Spanja vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-241/19)
(2019/C 187/93)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Rikorrent: Ir-Renju ta’ Spanja (rappreżentant: A. Rubio González, aġent)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2018 dwar l-għajnuna mill-Istat SA 34914 (2013/C) mogħtija mir-Renju Unit relatata mal-iskema tat-taxxa fuq il-kumpanniji ta’ Ġibiltà.
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE minħabba applikazzjoni żbaljata tal-kriterju ta’ selettività territorjali
—
Ir-rikorrent isostni f’dan ir-rigward li, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha data u informazzjoni li kienu juru l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat selettiva mil-lat territorjali, li kellu jqajmilha dubji dwar il-portata selettiva tal-għajnuna. Billi llimitat ruħha għall-kriterju ta’ selettività materjali, il-Kummisjoni waslet għal konklużjonijiet żbaljati, peress li teżisti jew tista’ teżisti iktar għajnuna minn dik realment identifikata mid-deċiżjoni kkontestata.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 296 TFUE, peress li d-deċiżjoni kkontestata hija att formalment nieqes minn motivazzjoni u l-evalwazzjoni dovuta fil-qasam ta’ selettività
—
Ir-rikorrent jallega f’dan ir-rigward li l-Kummissjoni ma tispjegax għalfejn ma tilqax l-argumenti dwar is-selettività territorjali ssostanjzati mir-Renju ta’ Spanja matul il-proċedimenti. Dan huwa att li sostanzjalment huwa nieqes minn motivazzjoni bħala konsegwenza tal-interpretazzjoni żbaljata li tagħmel is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Diċembru 2008, Gvern ta’ Ġibiltà vs Il-Kummissjoni, T-211/04 u T-215/04, EU:T:2008:595. Meta l-Qorti tal-Ġustizzja annullat din is-sentenza (sentenza tal-15 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni u Spanja vs Gvern ta’ Ġibiltà u Ir-Renju Unit, C-106/09 P u C-107/09 P, EU:C:2011:732) reġa’ sar validu l-kriterju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/261/KE, tat-30 ta’ Jannar 2004, mingħajr ma ġie mmotivat dan il-bdil ta’ kriterju.
Full & Egal Universal Law Academy