17.6.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 206/88
Rikors ippreżentat fid-9 ta’ April 2019 — Giant Electric Vehicle Kunshan vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-243/19)
(2019/C 206/78)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Giant Electric Vehicle Kunshan Co. Ltd (Kunshan, iċ-Ċina) (rappreżentant: P. De Baere, lawyer)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/72 tas-17 ta’ Jannar 2019 (1) sa fejn dan jikkonċerna lir-rikorrenti; u
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti seba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-konvenuta, li kkonkludiet li kien ingħata sussidju fil-kuntest tax-xiri mir-rikorrenti ta’ magni u ta’ batteriji, fatt li kien jikkostitwixxi ksur tal-Artikoli 1(1) u 3 tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 (2). Dan il-motiv huwa maqsum f’erba’ partijiet:
—
il-konvenuta ma stabbilixxietx li l-Gvern Ċiniż kien inkariga jew ta ordni lill-fornituri Ċiniżi ta’ magni u ta’ batteriji tar-rikorrenti;
—
il-konvenuta ma pprovatx li l-allegata kontribuzzjoni finanzarja mill-Gvern Ċiniż kienet tat vantaġġ lir-rikorrenti;
—
il-konvenuta bbażat il-konklużjonijiet tagħha marbuta mar-rikorrenti fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) 2016/1037;
—
il-konvenuta ma ppruvatx rabta bejn magni u batteriji mixtrija lokalment u roti elettriċi esportati lejn l-Unjoni Ewropea.
2.
It-tieni motiv huwa bbażat fuq żball manifest mwettaq mill-konvenuta fil-kalkolu tal-ammont tas-sussidju billi b’mod żbaljat ġew inklużi benefiċċji li ma kinux marbuta ma’ roti elettriċi rrilaxxati għal ċirkulazzjoni libera fl-Unjoni Ewropea.
3.
It-tielet motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-elementi fattwali mill-konvenuta, li kkonkludiet li l-użu ta’ noti ta’ aċċettazzjonijiet bankarji kien jikkostitwixxi kontribuzzjoni finanzjarja fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2016/1037.
4.
Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-konvenuta ma pprovatx li l-użu ta’ noti ta’ aċċettazzjonijiet bankarji kien jagħti vantaġġ lir-rikorrenti.
5.
Il-ħames motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-konvenuta ma stabbilixxietx l-ispeċifiċità tal-allegat sussidju mogħti permezz ta’ noti ta’ aċċettazzjonijiet bankarji, fatt li jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2016/1037.
6.
Is-sitt motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-konvenuta meta ddeċidiet li r-rikorrenti kisbet vantaġġ permezz tal-akkwist tad-drittijiet tal-użu tal-art.
7.
Is-seba’ motiv huwa bbażat fuq ksur mill-konvenuta tal-Artikolu 8(1), (2) u (5) tar-Regolament (UE) 2016/1037, sa fejn ma wettiqtx paragun, għall-finijet tal-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezzijiet u tal-prezzijiet indikattivi, bejn il-prezzijiet tal-importazzjoni u l-prezz ta’ prodott simili tal-industrija tal-Unjoni, fl-istess stadju kummerċjali u fil-mument li fihom il-prodotti jidħlu f’kompetizzjoni ma’ xulxin.
(1) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/72 tas-17 ta’ Jannar 2019 li jimponi dazji kompensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ roti elettriċi li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 16, 18.1.2019, p. 5).
(2) Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55).
Full & Egal Universal Law Academy