24.6.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 213/57
Rikors ippreżentat fl-10 ta’ April 2019 — Cambodia u CRF vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-246/19)
(2019/C 213/56)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Ir-Renju tal-Kambodja u Cambodia Rice Federation (CRF) (Phnom Penh, il-Kambodja) (rappreżentanti: R. Antonini, E. Monard u B. Maniatis, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/67 tas-16 ta’ Jannar 2019; (1) u
—
tordna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw sitt motivi.
1.
L-ewwel motiv, li jallega li l-limitazzjoni tal-kunċett ta’ produtturi tal-Unjoni Ewropea għal dawk il-produtturi ta’ prodotti simili jew ta’ prodotti li jikkompetu direttament li jiġu manifatturati bl-użu tal-materja prima (ross bil-ħliefa (paddy)) prodotti fl-Unjoni Ewropea tikser l-Artikolu 22(1) u 23 tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 (2). Sussidjarjament, l-approċċ tal-konvenuta kien jikser l-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 978/2012.
2.
It-tieni motiv, li jallega li billi bbażat ruħha fuq dejta żbaljata jew mhux preċiża, jew dejta li ma kinitx tkun relatata b’mod speċifiku mal-prodott simili, il-konvenuta naqset milli tevalwa b’mod xieraq id-“diffikultajiet serji”, b’ ksur tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 978/2012. Dan kien jagħmel impossibbli l-evalwazzjoni xierqa dwar jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 humiex sodisfatti fir-rigward tal-prodott simili kif iddefinit fl-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 978/2012.
3.
It-tielet motiv, li jallega li l-konvenuta wettqet paragun bejn il-prezzijiet ta’ importazzjoni mill-Kambodja u l-prezzijiet tal-Unjoni Ewropea b’mod li jikser l-Artikolu 22(1) u 23 tar-Regolament Nru 978/2012.
4.
Ir-raba’ motiv, li jallega li l-analiżi tal-kawżalità tal-konvenuta tikser l-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 978/2012, peress li d-diffikultajiet serji li għandha l-industrija tal-Unjoni Ewropea ma kinux ikunu konsegwenza diretta suffiċjenti tal-volum u tal-prezzijiet ta’ importazzjoni mill-Kambodja. Sa fejn ir-Regolament 2019/67 huwa bbażat fuq evalwazzjoni kumulattiva, dan jikser ukoll l-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 978/2012.
5.
Il-ħames motiv, li jallega li l-konvenuta naqset milli tesponi diversi fatti jew kunsiderazzjonijiet jew dettalji essenzjali abbażi ta’ tali fatti jew kunsiderazzjonijiet essenzjali bi ksur tal-Artikoli 17(1), (2), (3) u (4) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1083/2013, tat-28 ta’ Awwissu 2013 (3), tal-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 978/2012 u tad-dritt tad-difiża tar-rikorrenti.
6.
Is-sitt motiv, li jallega li l-fajl iffurmat huwa fil-parti l-kbira nieqes minn informazzjoni u jinjora gruppi ta’ informazzjoni importanti. Dan jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 14 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni Nru 1083/2013, tal-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 978/2012 u tad-dritt tad-difiża tar-rikorrenti.
(1) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/67 tas-16 ta’ Jannar 2019 li jimponi miżuri ta’ salvagwardja fir-rigward ta’ importazzjonijiet ta’ ross Indica li joriġina mill-Kambodja u mill-Myanmar (ĠU L 15, 17.1.2019, p. 5).
(2) Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 (ĠU L 303, 31.10.2012, p. 1).
(3) Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1083/2013 tat-28 ta’ Awwissu 2013 li jistabbilixxi regoli marbuta mal-proċedura għall-irtirar temporanju ta’ preferenzi tariffarji u mal-adozzjoni ta’ miżuri ġenerali ta’ salvagwardja skont ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati (ĠU L 293, 5.11.2013, p. 16).
Full & Egal Universal Law Academy