24.6.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 213/58
Rikors ippreżentat fit-12 ta’ April 2019 — Bilde vs Il-Parlament
(Kawża T-248/19)
(2019/C 213/57)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Dominique Bilde (Lagarde, Franza) (rappreżentant: F. Wagner, avukat)
Konvenut: Il-Parlament Ewropew
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew P8_TA-PROV(2019)0137, tat-12 ta’ Marzu 2019, dwar it-talba li titneħħa l-immunità tar-rikorrenti 2018/2267(IMM), u effettivament tneħħi l-immunità tar-rikorrenti;
—
tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż kollha.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet ta’ l-Unjoni Ewropea (ĠU 2010, C 83, p. 266), tal-Artikolu 5(1) u (5) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew (ĠU 2005, L 44, p. 1) u tal-Komunikazzjonijiet lill-membri Nri 11/2003 u 11/2016.
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq użu ħażin tal-proċedura, b’mod iktar partikolari, fuq il-ksur tal-Artikolu 43 tal-Komunikazzjoni lill-membri Nru 11/2016, sa fejn l-għan tal-azzjonijiet kontriha huwa li jiġi kkawżat dannu għall-attività politika tar-rikorrenti, li jikkostitwixxi każ ta’ fumus persecutionis fil-konfront tagħha.
3.
It-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni “ne bis in idem” u “una via electa”, ta’ użu ħażin ta’ proċedura u ta’ użu ħażin ta’ poter.
Full & Egal Universal Law Academy