24.6.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 213/60
Rikors ippreżentat fil-15 ta’ April 2019 — Pech vs Il-Kunsill
(Kawża T-252/19)
(2019/C 213/59)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrent: Laurent Pech (Londra, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: O. Brouwer u T. McGrath, avukati)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill inkluża f’ittra lir-rikorrent tat-12 ta’ Frar 2019 li tirrifjuta l-aċċess sħiħ għad-dokument ST 13593 2018 INIT (parir legali tas-servizz legali tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2018), skont l-Artikoli 4(2) u 4(3) tar-Regolament 1049/2001 (1),
—
sussidjarjament, tordna lill-Kunsill jagħti aċċess parzjali iktar wiesa’ għad-dokument ST 13593 2018 INIT, skont l-Artikolu 4(6) tar-Regolament 1049/2001; u
—
tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż tar-rikorrent, inklużi l-ispejjeż ta’ kwalunkwe partijiet intervenjenti.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi u fuq applikazzjoni żbaljata tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament 1049/2001.
—
Ir-rikorrent jargumenta li l-Kunsill naqas milli juri li d-dokument rikjest kien jinkludi parir legali.
—
Ir-rikorrent jargumenta wkoll li l-Kunsill interpreta u applika b’mod żbaljat it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament 1049/2001, billi ma ħax inkunsiderazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju tal-Unjoni Ewropea mqassra fir-rikors kif ukoll tal-prinċipju li dokumenti leġiżlattivi tal-Unjoni huma suġġetti għall-iktar aċċess wiesa’ possibbli, filwaqt li bbaża ruħu wkoll fuq kunċetti vagi u suġġettivi li ma jagħmlux parti mid-dritt Ewropew sabiex jiġi ġġustifikat nuqqas ta’ żvelar.
—
Il-Kunsill wettaq żball ta’ liġi u applika l-eżami ta’ interess pubbliku superjuri b’mod żbaljat.
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi u fuq applikazzjoni żbaljata tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament 1049/2001.
—
Ir-rikorrent jargumenta li l-Kunsill naqas milli juri li żvelar sħiħ kien speċifikament u effettivament jimmina l-proċess deċiżjonali inkwistjoni.
—
Il-Kunsill interpreta u applika b’mod żbaljat l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament 1049/2001 u l-ġurisprudenza tal-Qrati tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, billi injora d-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju tal-Unjoni mqassra fir-rikors u l-prinċipju li dokumenti leġiżlattivi tal-Unjoni huma suġġetti għall-iktar aċċess wiesa’ possibbli.
—
Il-Kunsill naqas milli jevalwa b’mod xieraq l-interess pubbliku fl-iżvelar.
3.
It-tielet motiv, motiv sussidjarju, ibbażat fuq l-argument li, jekk l-eċċezzjonijiet mqajma huma applikabbli għad-dokument rikjest, il-Kunsill kiser l-Artikolu 4(6) tar-Regolament 1049/2001, sa fejn evidentement huwa naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu li jagħti l-aċċess parzjali (xieraq u meħtieġ) li huwa missu ta għad-dokument rikjest taħt l-imsemmi Artikolu 4(6), billi naqas milli jagħti aċċess għat-taqsima sħiħa dwar l-analiżi legali.
(1) Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).
Full & Egal Universal Law Academy