24.6.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 213/62
Rikors ippreżentat fit-12 ta’ April 2019 — Al-Tarazi vs Il-Kunsill
(Kawża T-260/19)
(2019/C 213/61)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrent: Mazen Al-Tarazi (Shuwaikh, il-Kuwajt) (rappreżentanti: G. Beck u A. Khan, Barristers, u S. Patel, Solicitor)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tiddikjara l-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/85 tal-21 ta’ Jannar 2019 (1) u l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/87 tal-21 ta’ Jannar 2019 (2) mhux applikabbli fil-konfront tar-rikorrent;
—
tannulla, sa fejn jirrigwarda r-rikorrent, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2019/85 u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2019/87;
—
tiddikjara li l-isem tar-rikorrent għandu jitneħħa mill-Anness (min-numru 266 tiegħu) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2019/85 u mill-Anness (min-numru 266 tiegħu) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2019/87; u
—
tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti jew mhux issostanzjata min-naħa tal-konvenut għall-inklużjoni tar-rikorrent fil-lista.
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tal-fatti fl-inklużjoni tar-rikorrent fil-lista, inkwantu l-konvenut kien naqas milli jipproduċi provi tal-fatti indikati li jissostanzjaw jew li allegatament jissostanzjaw il-motivazzjoni tal-miżuri adottati jew inkwantu l-konvenut kien silet konklużjonijiet irraġonevoli minn dawn il-fatti.
3.
It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent minħabba l-inklużjoni tiegħu fil-lista.
4.
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà, ta’ libertà ta’ kummerċ u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità tar-rikorrent minħabba l-inklużjoni tiegħu fil-lista.
(1) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/85 tal-21 ta’ Jannar 2019 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU L 18I, 2019, p. 4).
(2) Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/87 tal-21 ta’ Jannar 2019 li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU L 18I, 2019, p. 13).
Full & Egal Universal Law Academy