24.6.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 213/63
Rikors ippreżentat fit-22 ta’ April 2019 — Imagina Media Audiovisual et vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-268/19)
(2019/C 213/62)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Imagina Media Audiovisual, SA (Barcelona, Spanja), Imagina EU (Brussell, il-Belġju), dpa Deutsche Presse-Agentur GmbH (Hamburg, il-Ġermanja) (rappreżentanti: P. Kuypers, N. Groot, B. Vitez, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Frar 2019 bir-riferiment Ares(2019)856949 dwar l-esklużjoni ta’ IMAGINA MEDIA AUDIOVISUAL SL mill-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti u ta’ għoti ta’ sussidji rregolati mir-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), sa fejn eskludiet il-konsorzju Imagina/dpa jew ċaħdet l-offerti tiegħu;
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ April 2019 bir-riferiment Ares (2019) 2494476 sa fejn għandha tiġi kkunsidrata d-deċiżjoni li l-konsorzju jiġi eskluż mill-offerta bin-numru ta’ riferiment PO/2018-05/A4 jew miċħuda l-offerti tiegħu;
—
tannulla l-att(i) li permezz tiegħu (tagħhom) l-Kummissjoni tagħti l-kuntratti, jew tippermetti lil parti oħra għajr il-konsorzju Imagina/dpa teżegwixxi l-kopertura awdjoviżiva tal-affarijiet kurrenti tal-UE, relatati mal-Lottijiet I, III u VI kif deskritt fl-offerta;
—
tordna lill-Kummissjoni tikkumpensa lill-konsorzju għad-dannu li l-Kummissjoni kkawżat billi impediet lill-konsorzju milli jeżegwixxi l-kuntratti għal-Lottijiet I, III u VI;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tar-rikorrenti.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw sitt motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta l-Kummissjoni naqset milli tirrikonoxxi li l-esklużjoni ta’ Imagina Media Audiovisual SL — li hija waħda mill-membri tal-konsorzju — ma għandha l-ebda effett fuq l-eżekuzzjoni tal-kuntratt fir-rigward tal-Lottijiet I, III u VI tal-offerta mill-konsorzju. Lanqas l-esklużjoni ta’ Imagina Media Audiovisual SL ma għandha xi effett fuq id-deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Kummissjoni tat dawn il-kuntratti lill-konsorzju.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta l-Kummissjoni naqset milli tapplika b’mod korrett id-dokumenti tal-offerta. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma talbitx lill-konsorzju sabiex jissostitwixxi lil Imagina Media Audiovisual SL b’entità oħra sabiex tifforma parti mill-konsorzju, kif kien rikjest mid-dokumenti tal-offerta.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta l-Kummissjoni naqset milli tapplika b’mod korrett l-Artikolu 136(9) tar-Regolament 2018/1046. Konsegwentement, l-uffiċjal awtorizzanti tal-Kummissjoni ma rrikjediex mill-konsorzju li jissostitwixxi Imagina Media Audiovisual SL b’entità oħra sabiex tifforma parti mill-konsorzju, kif kien rikjest mir-Regolament 2018/1046.
4.
Ir-raba’ aggravju ibbażat fuq ksur tal-Kummissjoni tad-dritt tal-konsorzju għal rimedju effettiv u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Il-Kummissjoni użat illegalment id-deċiżjoni tagħha tat-12 ta’ Frar 2019 bir-riferiment Ares (2019) 856949 dwar l-esklużjoni ta’ Imagina Media Audiovisual SL jew l-ittra tagħha tad-9 ta’ April 2019 bir-riferiment Ares(2019) 2494476 sabiex teskludi lill-konsorzju mill-offerta bin-numru ta’ riferiment PO/2018-05/A4.
5.
Il-ħames motiv ibbażat fuq ksur tal-Kummissjoni tad-dritt tal-konsorzju għal rimedju effettiv, l-obbligu tal-Kummissjoni li tagħti raġunijiet u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Il-Kummissjoni wettqet żbalji proċedurali u tat illegalment il-kuntratti għal-Lottijiet I, III u VI tal-offerta bin-numru ta’ riferiment PO/2018-05/A4 lil offerent li ma huwiex il-konsorzju.
6.
Is-sitt motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kkawżat danni lill-Konsorzju bl-aġir illegali min-naħa tal-Kummissjoni li bħala konsegwenza tiegħu l-konsorzju ma jistax jeżegwixxi l-kuntratti għal-Lottijiet I, III u VI tas-offerta bin-numru ta’ riferiment PO/2018-05/A4.
(1) Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 60, p. 36).
Full & Egal Universal Law Academy