24.6.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 213/65
Rikors ippreżentat fit-22 ta’ April 2019 — Imagina Media Audiovisual vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-269/19)
(2019/C 213/63)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Imagina Media Audiovisual, SA (Barcelona, Spanja) (rappreżentanti: P. Kuypers, N. Groot, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea Ares(2019)856949 li permezz tagħha l-Kummissjoni imponiet esklużjoni ta’ sentejn fuq ir-rikorrenti u rreġistrat lir-rikorrenti fid-database ta’ identifikazzjoni bikrija u ta’ esklużjoni (1);
—
tordna lill-Kummissjoni tikkumpensa lir-rikorrenti għad-danni kkawżati mid-deċiżjoni kkontestata;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.
1.
L-ewwel motiv: il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi billi naqset milli twettaq l-evalwazzjoni jew l-analiżi tagħha stess u bbażat ruħha esklużivament fuq il-konstatazzjonijiet tal-US Department of Justice (id-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti, l-Istati Uniti tal-Amerika) u billi interpretat b’mod żbaljat il-konstatazzjonijiet tad-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti mingħajr ma wettqet evalwazzjoni tagħha stess. Għaldaqstant, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni tal-fatti u għalhekk kisret id-dmir ta’ premura tagħha.
2.
It-tieni motiv: il-Kummissjoni eskludiet b’mod żbaljat lir-rikorrenti, bi ksur tal-Artikolu 136(1)(c) tar-Regolament 2018/1046 u tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, billi naqset milli tiddikjara b’mod ċar x’jikkostitwixxi preċiżament mġiba professjonali ħażina serja. Barra minn hekk, il-Kummissjoni żbaljat meta ddikjarat li r-rikorrenti hija eskluża wkoll minn sejħiet għal offerti kurrenti, sa fejn dan ma jirriżultax mid-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, meta eskludiet lir-rikorrenti fuq il-bażi ta’ mġiba marbuta ma’ drittijiet tal-media u tal-marketing fil-qasam tal-isport fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti għall-kopertura awdjoviżiva ta’ affarijiet kurrenti tal-Unjoni Ewropea sa fejn dawn huma swieq differenti li ma għandhomx impatt fuq xulxin, b’tali mod li tista’ tiġi stabbilita l-affidabbiltà tar-rikorrenti f’kuntratti għall-Unjoni, u meta ddeċidiet li r-rikorrenti għandha tiġi eskluża minħabba li ma kellhiex provi biżżejjed sabiex tasal għad-deċiżjoni kkontestata u minħabba li l-ftehim dwar nuqqas ta’ prosekuzzjoni milħuq bejn ir-rikorrenti u d-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti ma jgħidx li r-rikorrenti jew id-direttur eżekuttiv tagħha huma ħatja.
3.
It-tielet motiv: il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-esklużjoni tkun proporzjonata fis-sens tal-Artikolu 136(3) tar-Regolament 2018/1046 u għalhekk naqset milli tqis il-fatt li ma kienx hemm effett fuq l-interessi finanzjarji u r-reputazzjoni tal-Unjoni u ż-żmien li għadda mill-imġiba kontenzjuża.
4.
Ir-raba’ motv: il-Kummissjoni wettqet żball meta ddeċidiet li l-miżuri ta’ rimedju meħuda mir-rikorrenti huma ta’ natura provviżorja u insuffiċjenti fid-dawl tal-Artikolu 136(6)(a) flimkien mal-Artikolu 136(7) tar-Regolament 2018/1046.
5.
Il-ħames motiv: il-Kummissjoni kisret il-prinċipju fundamentali ta’ trattament ugwali billi ttrattat lir-rikorrenti b’mod differenti meta mqabbla ma’ offerenti oħra li kkonkludew ftehim dwar nuqqas ta’ prosekuzzjoni mad-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti.
6.
Is-sitt motiv: il-Kummissjoni kkawżat dannu lir-rikorrenti minħabba li d-deċidiet b’mod illegali li r-rikorrenti għandha tiġi eskluża mill-proċeduri għall-allokazzjoni ta’ għoti.
(1) Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 60, p. 36).
Full & Egal Universal Law Academy