2.12.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 406/44
Rettifika tal-avviż fil-Ġurnal Uffiċjali fil-Kawża T-279/19
(Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea C 220 tal-1 ta’ Lulju 2019)
(2019/C 406/53)
F’paġna 41, l-avviż fil-ĠU fil-Kawża T-279/19, Front Polisario vs Il-Kunsill, jinqara kif ġej:
Rikors ippreżentat fis-27 ta’ April 2019 – Front Polisario vs Il-Kunsill
(Kawża T-279/19)
(2019/C 406/53)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Front Popolari għal-Liberazzjoni ta’ Saguia el-Hamra u ta’ Rio de oro (Front Polisario) (rappreżentant: G. Devers, avukat)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tiddikjara r-rikors tiegħu ammissibbli;
—
tannulla d-deċiżjoni kkontestata;
—
tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors kontra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/217 tat-28 ta’ Jannar 2019 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar l-emenda tal-Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (ĠU 2019, L 34, p. 1), ir-rikorrent jinvoka għaxar motivi.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq inkompetenza tal-Kunsill sabiex jadotta d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk huma inkompetenti sabiex jikkonkludu ftehim internazzjonali applikabbli għas-Saħara tal-Punent, minflok il-poplu Saħarjan, irrappreżentat mill-Front Polisario.
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ eżami tal-kwistjoni tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u tad-dritt umanitarju internazzjonali, sa fejn il-Kunsill ma ħax inkunsiderazzjoni din il-kwistjoni qabel ma adotta d-deċiżjoni kkontestata.
3.
It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur mill-Kunsill tal-obbligu tiegħu li jeżegwixxi s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja sa fejn id-deċiżjoni kkontestata injorat ir-raġunijiet tas-sentenza tal-21 ta’ Diċembru, Il-Kunsill vs Front Polisario (C-104/16 P, EU:C:2016:973).
4.
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji u tal-valuri essenzjali li jmexxu l-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali, peress li, fl-ewwel lok, id-deċiżjoni kkontestata tiċħad l-eżistenza tal-poplu Saħarjan bħala suġġett tad-dritt internazzjonali billi tissostitwixxi l-frażi “popolazzjonijiet ikkonċernati”; li, fit-tieni lok, bi ksur tad-dritt tal-popli li jiddisponu liberament mir-riżorsi naturali tagħhom, id-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali li jorganizza, mingħajr il-kunsens tal-poplu Saħarjan, ir-riżorsi naturali lejn l-Unjoni Ewropea, billi tiddefinixxihom bħala li huma ta’ oriġini Marokkina; u li, fit-tielet lok, id-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda l-konlużjoni ta’ ftehim internazzjonali applikabbli għas-Saħara tal-Punent okkupat, mar-Renju tal-Marokk, fil-kuntest tal-politika annessjonista tiegħu fir-rigward ta’ dan it-territorju, u ksur sistematiku tad-drittijiet fundamentali li ż-żamma ta’ din il-politika titlob.
5.
Il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tmur kontra d-dikjarazzjonijiet tal-Unjoni li, b’mod ripetut, ma waqfitx milli tafferma n-neċessità tal-osservanza tal-prinċipji ta’ awtodeterminazzjoni u tal-effett relattiv tat-Trattati.
6.
Is-sitt motiv, ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li, fid-dawl tal-istatus separat u distint tas-Saħara tal-Punent, tan-natura intanġibbli tad-dritt għat awtodeterminazzjoni u tal-kwalità ta’ suġġett terz tal-poplu Saħarjan, ma kienx il-Kunsill li kellu jopera relazzjoni ta’ proporzjonalità bejn allegati “vantaġġi għall-ekonomija tas-Saħara tal-Punent” u r-riperkussjonijiet fuq ir-riżorsi naturali Saħarjani.
7.
Is-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal awtodeterminazzjoni, peress li, fl-ewwel lok, billi tissostitwixxi l-kliem “popolazzjonijiet ikkonċernati”, id-deċiżjoni kkontestata tiċħad l-unità nazzjonali tal-poplu Saħarjan bħala suġġett tad-dritt għal awtodeterminazzjoni; li, fit-tieni lok, bi ksur tad-dritt tal-poplu Saħarjan li jiddisponi liberament mir-riżorsi naturali tiegħu, id-deċiżjoni kkontestata torganizza, mingħajr il-kunsens tiegħu, l-esportazzjoni tar-riżorsi tiegħu lejn l-Unjoni, li huma ddefiniti bħala ta’ oriġini Marokkina: u li, fit-tielet lok, bi ksur tal-istatus separat u distint tat-territorju Saħarjan, id-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali applikabbli għas-Saħara tal-Punent okkupat, u taħbi l-veru pajjiż ta’ oriġini tal-prodotti li joħorġu minn dan it-territorju, billi tiddefinixxihom bħala ta’ oriġini Marokkina.
8.
It-tmien motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ effett relattiv tat-Trattati, peress li d-deċiżjoni kkontestata tiċħad il-kwalità ta’ suġġett terz tal-poplu Saħarjan fir-relazzjoniijet UE-Marokk u timponi fuqu obbligi internazzjonali, fir-rigward tat-territorju nazzjonali tiegħu u r-riżorsi naturali tiegħu, mingħajr il-kunsens tiegħu.
9.
Id-disa’ motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt unmanitarju internazzjonali u tad-dritt kriminali internazzjonali, peress li, minn naħa, id-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali applikabbli għas-Saħara tal-Punent filwaqt li l-forzi ta’ okkupazzjoni Marokkini ma għandhomx il-jus tractatus fir-rigward ta’ dan it-territorju u li, min-naħa l-oħra, bl-użu tal-kliem “popolazzjonijiet ikkonċernati”, l-imsemmija deċiżjoni tivvalida t-trasferiment illegali tal-koloni Marokkini fit-territorju Saħarjan okkupat.
10.
L-għaxar motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligi tal-Unjoni taħt id-dritt tar-responsabbiltà internazzjonali, peress li, billi kkonkludiet ftehim internazzjonali, mar-Renju tal-Marokk, applikabbli għas-Saħara tal-Punent, id-deċiżjoni kontestata tapprova ksur gravi tad-dritt internazzjonali mwettaq mill-forzi ta’ okkupazzjoni Marokkini kontra l-poplu Saħarjan u ssostni u tassisti ż-żamma tas-sitwazzjoni li tirriżulta minn dan il-ksur.