24.6.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 213/73
Rikors ippreżentat fit-30 ta’ April 2019 — Highgate Capital Management vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-280/19)
(2019/C 213/70)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Highgate Capital Management LLP (Londra, ir-Renju Unit) (rappreżentant: M. Struys, lawyer)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tiċħad l-ilment tar-rikorrenti (Każ SA.53105 — Għajnuna allegatament mogħtija lil Eurobank Ergasias bil-bejgħ ta’ Piraeus Bank Bulgaria) tal-inqas safejn din tirrigwarda in-nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligi ta’ ristrutturazzjoni fil-Kawżi SA.43364 u SA.43363, u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.
1.
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kisret rekwiżiti formali essenzjali kif ukoll:
—
l-Artikolu 24(2) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (1) u l-punt 72 tal-Kodiċi tal-Aħjar Prattiki għat-tmexxija tal-proċeduri ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat (2);
—
id-dritt għal smigħ tar-rikorrenti;
—
l-obbligu ta’ motivazzjoni preskritta mill-Artikolu 296 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;
—
id-dritt għal rimedju tar-rikorrenti ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
2.
It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li l-impenji ta’ ristrutturazzjoni stabbiliti rispettivament 1o) fil-Każ SA.43364 li jikkonċerna l-għajnuna mill-Istat riċevuta minn Piraeus Bank u 2o) fil-Każ SA.43363 li jikkonċerna l-għajnuna mill-Istat riċevuta minn Eurobank Ergasias ma japplikawx ratione temporis peress li l-konklużjoni tal-bejgħ ta’ Piraeus Bank Bulgaria seħħ wara l-31 ta’ Diċembru 2018
(1) ĠU 2015, L 248, p. 9.
(2) ĠU 2018, C 253, p. 14.
Full & Egal Universal Law Academy