24.6.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 213/76
Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Mejju 2019 — SGI Studio Galli Ingegneria vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-285/19)
(2019/C 213/73)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: SGI Studio Galli Ingegneria Srl (Ruma, l-Italja) (rappreżentanti: F. Marini, V. Catenacci u R. Viglietta, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tikkonstata u tiddikjara li r-rikorrenti ma għandhiex tħallas lill-Kummissjoni Ewropea s-somom mitluba minn din tal-aħħar permezz tan-nota ta’ debitu Nru 3241902288 li rċeviet fit-22 ta’ Frar 2019 u fl-aħħar lok permezz tal-ittra li rċeviet fid-29 ta’ April 2019 — Ref. Ares (2019) 2858540, mitluba għall-irkupru tal-kontribuzzjoni u għad-danni peress li Studio Galli Ingegneria allegatament naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt il-ftehim ta’ sussidju Nru 619120 dwar il-proġett imsejjaħ “MARSOL”;
—
tikkonstata u tiddikjara li n-nuqqasijiet invokati mill-Kummissjoni ma jeżistux;
—
tikkonstata u tiddikjara l-illegalità, l-invalidità u, fi kwalunkwe każ, in-natura infondata tal-ittra ta’ informazzjoni minn qabel tad-19 ta’ Diċembru 2018, tar-rapport ta’ spezzjoni tal-OLAF, tan-nota ta’ debitu tat-22 ta’ Frar 2019, tan-nota ta’ tfakkir sussegwenti tat-2 ta’ April 2019 u tal-ittra finali ta’ determinazzjoni mill-ġdid tal-ammont mitlub u ta’ ċaħda tat-talbiet sussegwenti ta’ SGI tad-29 ta’ April 2019 — Ref. Ares (2019) 2858540;
—
tikkonstata u tiddikjara l-ineżistenza tad-dejn invokat mill-Kummissjoni;
—
tikkonstata u tiddikjara d-dritt tar-rikorrenti għall-kontribuzzjoni effettivament imħallsa mill-Kummissjoni taħt il-ftehim ta’ sussidju Nru 619120 għall-proġett “MARSOL”;
—
sussidjarjament, tikkonstata u tiddikjara li s-somma li hija s-suġġett tat-talba għal irkupru mill-Kummissjoni ma tistax teċċedi l-ammont ta’ EUR 100 044.99;
—
iktar sussidjarjament, tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas lil SGI l-ispejjeż imġarrba għall-eżekuzzjoni tal-proġett MARSOL, bħala arrikkiment indebitu.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ bona fide kuntrattwali, il-ksur tad-drittijiet tad-difiża fil-fażi wara l-għeluq tal-ispezzjoni, il-ksur tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), il-ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba fis-sens tal-Artikolu 41 tal-Karta, il-ksur tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti fis-sens tal-Artikolu 42 tal-Karta, kif ukoll il-ksur tal-Artikolu II.22 tal-ftehim ta’ sussidju u tal-Artikolu 1134 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan.
—
Ir-rikorrenti ssostni f’dan ir-rigward li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni t-talba għas-sospensjoni tal-proċedura u t-talba għal aċċess għad-dokumenti tal-fajl ta’ spezzjoni tal-OLAF imressqa mir-rikorrenti, iżda li hija xorta waħda ħarġet in-nota ta’ debitu u n-noti ta’ tfakkir sussegwenti, minkejja li l-kumpannija ma kellhiex il-possibbiltà materjali li twieġeb għar-rapport finali tal-OLAF minħabba problemi interni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ bona fide kuntrattwali u d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kemm fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva kif ukoll quddiem il-Qorti Ġenerali.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq l-ineżistenza tan-nuqqas invokat, l-ineżistenza tad-dejn invokat mill-Kummissjoni Ewropea, l-illegalità u n-natura infondata tar-rapport ta’ spezzjoni tal-OLAF, u, konsegwentement, il-ksur tal-prinċipji ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, tal-oneru tal-prova u ta’ ekwità previsti mir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013, kif ukoll l-eżistenza ta’ żball fl-evalwazzjoni tal-prova, u l-ksur tal-Artikolu 1315 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan.
—
Ir-rikorrenti ssostni f’dan ir-rigward li l-ebda wieħed min-nuqqasijiet li fuqhom il-Kummissjoni bbażat it-talba għal irkupru ma huwa fondat, kif stabbilit mid-dokumenti annessi mal-proċess. Il-ħinijiet tax-xogħol u l-ispejjeż tal-persunal ġew indikati b’mod korrett għar-riżorsi kollha ddedikati għall-proġett u jikkorrispondu għal dak li ntalab mill-Kummissjoni. Ma teżisti ebda sovrappożizzjoni bejn ir-riżorsi u l-proġetti sussidjati l-oħra. Ma jeżisti l-ebda wieħed min-nuqqasijiet invokati. L-ilmenti tal-OLAF li fuqhom il-Kummissjoni bbażat it-talba għal irkupru jirrigwardaw proġetti oħra. L-oneru tal-prova ma nqalibx.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ta’ ekwità u ta’ bona fide kuntrattwali u l-ksur tal-Artikolu II.22 tal-ftehim ta’ sussidju.
—
Ir-rikorrenti ssostni f’dan ir-rigward li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi talbet ir-rimbors tat-totalità tal-kontribuzzjoni mħallsa lir-rikorrenti, minkejja li kienu ġew ikkonstatati inkonsistenzi, fil-kuntest tal-proċedura ta’ spezzjoni, biss fir-rigward ta’ żewġ professjonisti li pparteċipaw fil-proġett. L-ispejjeż diretti l-oħra kollha, għajr l-ispejjeż tal-persunal, kif ukoll l-ispejjeż indiretti kollha ntalbu wkoll.
4.
Ir-raba’ motiv, invokat sussidjarjament, ibbażat fuq id-dritt għal kumpens minħabba l-arrikkiment indebitu tal-Kummissjoni.
—
Fl-opinjoni tar-rikorrenti, il-kundizzjonijiet mitluba għat-tressiq ta’ azzjoni huma ssodisfatti, jiġifieri l-arrikkiment indebitu ta’ parti fil-kuntratt u t-tfaqqir tal-parti l-oħra, kif ukoll ir-rabta kawżali bejn l-arrikkiment u t-tfaqqir.
Full & Egal Universal Law Academy