8.7.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 230/57
Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Mejju 2019 — Vanhoudt et vs BEI
(Kawża T-294/19)
(2019/C 230/71)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Patrick Vanhoudt (Gonderange, il-Lussemburgu) u disa’ rikorrenti oħra (rappreżentant: A. Haines, barrister)
Konvenut: Bank Ewropew tal-Investiment (BEI)
Talbiet
Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni tal-BEI tal-31 ta’ Jannar 2019 li tirrifjuta li tikkumpensahom għat-telf mhux ikkumpensat tagħhom u li tirrifjuta li taqsam l-għodda ta’ simulazzjoni SPAC u r-riżultati tiegħu;
—
barra minn hekk, jew sussidjarjament, tikkundanna lill-BEI jikkumpensahom għad-dannu morali li rriżulta mid-deċiżjoni tal-BEI li ma jużax l-għodda ta’ simulazzjoni SPAC u/jew ir-riżultati tiegħu;
—
tikkundanna lill-BEI sabiex jiżvela l-għodda ta’ simulazzjoni attwarja SPAC u r-riżultati tiegħu fil-forma ta’ kopji stampati tas-simulazzjonijiet attwarji sabiex ir-rikorrenti jkunu jistgħu jevalwaw it-telf tagħhom mhux ikkumpensat u, għaldaqstant, in-natura xierqa jew le tal-miżuri kumpensatorji li l-BEI applika fir-rigward tagħhom wara r-riformi fil-pensjoni u fir-remunerazzjoni tagħhom;
—
tikkundanna lill-BEI għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrent jinvokaw erba’ motivi, f’dak li jirrigwarda r-rikors tagħhom għal annullament, u għar-raġunijiet indikati iktar ’il quddiem, b’rabta mat-talba tagħhom lill-Qorti Ġenerali li tordna l-produzzjoni tal-imsemmi għodda ta’ simulazzjoni u tar-riżultati tiegħu.
1.
L-ewwel motiv, li jirrigwarda r-rikors għal annullament, ibbażat fuq ksur tal-punti 9, 10 u 14 sa 18 tal-Protokoll ta’ Ftehim u tal-ittra ta’ akkumpanjament tiegħu, konklużi fit-18 ta’ Mejju 2009 bejn il-BEI u r-rappreżentanti tal-persunal tiegħu.
2.
It-tieni motiv, li jirrigwarda r-rikors għal annullament, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi.
3.
It-tielet motiv, li jirrigwarda r-rikors għal annullament, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal rimedju effettiv, amministrazzjoni tajba u trasparenza.
4.
Ir-raba’ motiv, li jirrigwarda r-rikors għal annullament, ibbażat fuq ksur tal-aċċess għad-data personali.
Fir-rigward tat-talba għall-produzzjoni tal-imsemmija għodda ta’ simulazzjoni u tar-riżultati tiegħu, ir-rikorrenti jsostnu, fost l-oħrajn, dan li ġej:
—
In-nuqqas tal-BEI li jiżvela l-għodda ta’ simulazzjoni attwarja SPAC jikkostitwixxi ksur tal-Artikoli 41, 42 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 15(1) u (3) TFUE;
—
Il-BEI jikser id-drittijiet ta’ aċċess tar-rikorrenti għad-data personali, bi ksur tal-Artikoli 14 u 17 tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).
(1) Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU 2018, L 295, p. 39).
Full & Egal Universal Law Academy