12.8.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 270/31
Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Mejju 2019 — Dragomir vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-297/19)
(2019/C 270/33)
Lingwa tal-kawża: ir-Rumen
Partijiet
Rikorrent: Daniel Dragomir (Bukarest, ir-Rumanija) (rappreżentant: R. Chiriță, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tiddikjara n-nuqqas, min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea, li twettaq l-obbligu tagħha li tiżgura l-osservanza, mir-Rumanija, tal-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data;
—
tiddikjara n-nuqqas, min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea, li twettaq l-obbligu tagħha li tiżgura l-osservanza, mir-Rumanija, tal-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilll tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI;
—
tiddikjara n-nuqqas, min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea, li twettaq l-obbligu tagħha li tiżgura l-osservanza, mir-Rumanija, tal-obbligi li jirriżultaw mir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data);
—
tiddikjara n-nuqqas, min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea, li twettaq l-obbligu tagħha li tiżgura l-osservanza, mir-Rumanija, tal-prinċipji ta’ Stat tad-dritt, ta’ indipendenza tal-qrati u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħhom;
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-kumpens għad-dannu morali kkawżat, ivvalutat għall-ammont ta’ EUR 2.
—
tordna lill-konvenuta sabiex fil-futur tirrimedja għal dawn in-nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligu.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq in-nuqqas, min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea, li twettaq l-obbligi tagħha marbuta mal-indipendenza tal-qrati li jirriżultaw mid-deċiżjoni li tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni u ta’ verifika, mit-Trattati u mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
—
Il-Kummissjoni Ewropea konxjament naqset milli twettaq l-obbligi tagħha marbuta mal-protezzjoni tal-Istat tad-dritt, mal-indipendenza tal-qrati Rumeni fir-rigward tal-attakk fuqhom mis-Serviciul Român de Informații (id-dipartiment tal-informazzjoni Rumen) kif ukoll mad-dritt tal-partijiet għal smigħ xieraq.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq in-nuqqas, min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea, li twettaq l-obbligi tagħha fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali.
—
Il-Kummissjoni Ewropea naqset milli twettaq, inkella wettqet b’mod sempliċement formali, l-obbligu tagħha li tivverifika l-mod li bih id-direttivi u r-regolamenti tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali huma osservati.
Full & Egal Universal Law Academy