22.7.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 246/31
Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Mejju 2019 — PNB Banka et vs BĊE
(Kawża T-301/19)
(2019/C 246/33)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: PNB Banka AS (Riga, il-Latvja), Grigory Guselnikov (Londra, ir-Renju Unit), Yulia Guselnikova (Londra) (rappreżentanti: O. Behrends u M. Kirchner, avukati)
Konvenut: Il-Bank Ċentrali Ewropew
Talbiet
Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni tal-BĊE tal-1 ta’ Marzu 2019 li tikklassifika lil PNB Banka bħala entità sinjifikattiva;
—
tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw għaxar motivi.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-BĊE assuma b’mod żbaljat li l-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament MSU (1) jirreferi għal deċiżjoni ta’ klassifika.
—
Ir-rikorrenti jsostnu li l-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament MSU sempliċement jawtorizza lill-BĊE jeżerċita huwa stess il-poteri rilevanti kollha ta’ awtorità kompetenti nazzjonali. It-tieni sentenza tal-Artikolu 39(5) tar-Regolament Qafas MSU ma tistax tibdel in-natura tad-deċiżjoni skont l-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament MSU. Li kieku l-Qorti Ġenerali tikkonkludi li t-tieni sentenza tal-Artikolu 39(5) tar-Regolament Qafas MSU tibdel in-natura ta’ din id-deċiżjoni, ir-rikorrenti jinvokaw l-illegalità tal-imsemmija tieni sentenza tal-Artikolu 39(5).
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-BĊE ibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq assunzjonijiet żbaljati fir-rigward tal-kundizzjonijiet u tal-għan tal-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament MSU, u inter alia, naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni n-natura eċċezzjonali ta’ deċiżjoni skont din id-dispożizzjoni.
3.
It-tielet motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-BĊE naqas milli jeżerċita u jevalwa bir-reqqa u b’mod imparzjali l-aspetti rilevanti kollha tal-każ individwali sabiex tiġi ddeterminata n-neċessità ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament MSU.
4.
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-BĊE kiser diversi rekwiżiti formali essenzjali.
5.
Il-ħames motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-BĊE naqas milli jeżerċita diskrezzjoni skont l-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament MSU.
6.
Is-sitt motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-BĊE kiser il-prinċipju ta’ proporzjonalità.
7.
Is-seba’ motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-BĊE kiser il-prinċipju ta’ nemo auditor.
8.
It-tmien motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-BĊE kiser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.
9.
Id-disa’ motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-BĊE kiser il-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali.
—
Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni ma hijiex ċara u għalhekk toħloq inċertezza legali u tmur kontra l-aspettattivi leġittimi ta’ PNB Banka abbażi tal-interazzjoni tagħha mal-BĊE u mal-Kummissjoni Finanzjarja u tas-Swieq Kapitali.
10.
L-għaxar motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-BĊE kiser l-Artikolu 19 tar-Regolament MSU u l-premessa 75 tal-preambolu tagħha u wettaq użu ħażin ta’ poter.
(1) Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal 15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63).
Full & Egal Universal Law Academy