8.7.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 230/61
Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Mejju 2019 — BU vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-308/19)
(2019/C 230/75)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrent: BU (rappreżentant: E. Bonanni, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżoni tal-11 ta’ Jannar 2019, li permezz tagħha l-Kummissjoni ddeċidiet li tistabbilixxi bord mediku ġdid għall-ħruġ mill-ġdid ta’ parir dwar l-aggravar tal-marda ikkaġunata mix-xogħol tar-rikorrenti u mitlub minn dan tal-aħħar;
—
tiddeċiedi li d-deċiżjoni dwar it-talba għal dikjarazzjoni ta’ aggravar għandha tittieħed abbażi tal-parir diġà ipprovdut mill-bord mediku preċedenti tat-8 ta’ Jannar 2014, b’kont meħud tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 12 tal-leġiżlazzjoni dwar il-kopertura tar-riskji ta’ inċidenti u mard ikkaġunat mix-xogħol tal-uffiċjali tal-Komunità Ewropea, fis-seħħ qabel l-1 ta’ Jannar 2006 (REG), kif rikonoxxut mill-mandat rettifikat tal-11 ta’ Jannar 2019, għall-finijet tal-kundanna tal-Kummissjoni għall-ħlas tal-ammont ta’ EUR 639 431.37, li minnhom diġà tħallsu EUR 98 372.51, bħala kumpens previst fl-Artikolu 14 tar-REG, jew f’dispożizzjoni oħra li tistabbilixxi obbligi ekwivalenti.
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas ta’ EUR 5 000 għal kull xahar ta’ dewmien għall-istabbiliment dovut ta’ rimedju.
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għar-riżarċiment ta’ EUR 100 000 għall-ħruġ illegali tal-mandat Nru 3 tal-25 ta’ Jannar 2018, bi ksur tas-sentenzi T–551/16 u T–212/01.
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għar-riżarċiment ta’ EUR 50 000 għan-nuqqas ta’ applikazzjoni tat-tabella tal-onorarji tat-tobba maħtura jew li għandhom jinħatru.
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għar-riżarċiment ta’ EUR 100 000 għad-dewmien mhux iġġustifikat fil-konklużjoni tal-fażi amministrativa.
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għar-riżarċiment ta’ EUR 1 000 000 għall-aġir mhux f’loku tat-tabib AB, li bħala dipendenti dirett tal-Awtorità tal-Ħatra, ma huwiex indipendenti, inkonnessjoni mad-deskritti aġiri diskutibbli tiegħu,
—
sussegwentement, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas tal-ispejjeż legali u ġudizzjarji.
Motivi u argumenti prinċipali
Essenzjalment, ir-rikorrent jitlob li l-Kummissjoni tiġi ddikjarata li naqset milli tadotta d-deċiżjoni li jitħallas l-ammont ta’ EUR 639 421.37, li minnhom EUR 98 372.51 diġà tħallsu, li jikkostitwixxi l-kumpens previst fis-sens tal-Artikolu 14 tar-REG skont il-pariri tal-bord mediku tat-8 ta’ Jannar 2014, fil-kuntest tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ aggravar inkonnessjoni mal-marda ikkaġunata mix-xogħol tas-7 ta’ Ġunju 2000.
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent isostni:
1.
il-ksur tal-Artikolu 266 tat-TFUE u tal-obbligu ta’ konformità mas-sentenzi, sa fejn il-Kummissjoni ma kkonformatx ruħha mas-sentenzi fil-Kawżi T-212/01 u T-551/16, inkonnessjoni mat-taħlit żbaljat bejn invalidità fil-veru sens tagħha u l-kumpens previst fl-Artikolu 14 tar-REG.
2.
l-eżistenza fil-kawża odjerna ta’ użu ħażin ta’ poter.
3.
il-ksur tal-Artikolu 73 tal-Istatut u tal-ġurisprudenza tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-funzjonament tal-bord mediku.
4.
il-ksur tal-prinċipju ta’ dewmien raġjonevoli tal-proċedura.
Full & Egal Universal Law Academy