8.7.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 230/64
Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Mejju 2019 — Fundación Tecnalia Research & Innovation vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-314/19)
(2019/C 230/77)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Rikorrenti: Fundación Tecnalia Research & Innovation (Donostia-San Sebastián, Spanja) (rappreżentanti: P. Palacios Pesquera u M. Ríus Coma, abogados)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tiddikjara ammissibbli kemm ir-rikors kif ukoll il-motivi invokati fih;
—
tilqa’ l-motivi invokati fir-rikors u konsegwentement:
a)
tiddikjara li ma teżisti l-ebda bażi għat-terminazzjoni tal-proġett BreadGuard u, konsegwentement, tagħlaq il-proċedura kontradittorja inkwistjoni.
b)
sussidjarjament, tordna lill-Kummissjoni tħallas l-ammonti li jikkorrispondu għax-xogħolijiet effettivament imwettqa minn TECNALIA u tastjeni mit-talba tagħha ta’ rkupru tal-ammonti ta’ għajnuna mogħtija lill-proġett BreadGuard rċevuti minn TECNALIA għall-eżekuzzjoni tal-proġett.
c)
iktar sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni ta’ terminazzjoni u tordna li ftuħ mill-ġdid tal-proċedura kontradittorja sabiex jiġu ssanati d-difetti osservati u rrappurtati minn TECNALIA skont it-termini stabbiliti fir-rikors.
d)
fi kwalunkwe każ tiddikjara li ma għandha ssir l-ebda dikjarazzjoni ta’ nuqqas professjonali serju fil-konfront ta’ TECNALIA.
—
tikkundanna lid-Direttorat Ġenerali ta’ Investigazzjoni u Innovazzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż tal-proċedura.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikors odjern huwa dirett kontra l-għeluq tal-proċedura kontradittorja marbuta mal-proġett FP7-KBBE-2013-613647 BREADGUARD Grant Agreement, u li kien is-suġġett ta’ Request for Redress li ġie miċħud permezz tal-avviż tat-22 ta’ Marzu 2019.
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li TECNALIA ma kisritx il-Grant Agreement.
—
F’dan ir-rigward hija tallega l-applikazzjoni illegali tal-Grant Agreement, billi tinvoka l-ksur tal-Artikoli II.38(1)(b), II.38(1)(c), II.38(1)(f) u II.38(1)(l), peress li TECNALIA evidentement ma kisritx il-kontenut tal-Grant Agreement inkonnessjoni ma’ kull waħda mill-irregolaritajiet u instanzi ta’ ksur allegati fid-deċiżjoni tal-għeluq.
2.
It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-applikazzjoni illegali tal-Artikolu II.38 tal-Grant Agreement.
—
F’dan ir-rigward hija tallega l-applikazzjoni illegali tal-Artikolu II.38(1)(l) tal-Grant Agreement fid-dawl tad-dikjarazzjoni marbuta mal-eżistenza ta’ nuqqas professjonali serju fil-konfront ta’ TECNALIA.
3.
It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-applikazzjoni illegali tal-Artikolu II.38(1)(l) tal-Anness II tal-Grant Agreement
—
F’dan ir-rigward hija tallega l-applikazzjoni illegali tal-Artikolu II.38 tal-Grant Agreement sabiex jiġi ordnat l-għeluq tal-proġett BreadGuard billi jinżamm responsabbli għal dan kollu il-Konsorzju fl-intier tiegħu.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu II.23(5) tal-Anness II tal-Grant Agreement
—
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tallega l-ksur tal-kontenut tal-Anness II tal-Grant Agreement tal-proġett BreadGuard billi l-Kummissjoni Ewropea naqset milli tiżvela l-identità tal-esperti indipendenti li approvaw il-perizji li fuqhom kienet ibbażata d-deċiżjoni kkontestata, u b’hekk ipprekludiet lil TECNALIA milli tikkontesthom.
5.
Il-ħames motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li r-rikonoxximent tas-sejbiet minn wieħed mill-benefiċċjarji huwa irrilevanti
—
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tallega li r-rikonoxximent mill-Università ta’ Kassel, fil-kwalità tagħha ta’ waħda mill-benefiċċjarji tal-proġetti BreadGuard u FoodWatch, tas-sejbiet tal-proċedura ta’ kontradittorja huwa irrilevanti.
Full & Egal Universal Law Academy