22.7.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 246/38
Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Mejju 2019 — El-Qaddafi vs Il-Kunsill
(Kawża T-322/19)
(2019/C 246/40)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Aisha Muammer Mohamed El-Qaddafi (Muscat, Oman) (rappreżentant: S. Bafadhel, Barrister)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2017/497/PESK tal-21 ta’ Marzu 2017 li temenda d-Deċiżjoni 2015/1333/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja, sa fejn din iżżomm isem ir-rikorrenti fuq il-lista fl-Annessi I u III għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2015/1333/PESK tal-31 ta’ Lulju 2015 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja;
—
tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 2017/489 tal-21 ta’ Marzu 2017 li jimplimenta l-Artikolu 21(5) tar-Regolament (UE) Nru 2016/44 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja, sa fejn dan iżomm isem ir-rikorrenti fuq il-lista fl-Anness II għar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/44 tat-18 ta’ Jannar 2016 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja; u
—
tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jbati l-ispejjeż sostnuti fil-kuntest tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali skont ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea naqas milli jaġixxi fi żmien xieraq f’dak li jirrigwarda n-notifika tal-miżuri kkontestati fir-rigward tar-rikorrenti. Dan ammonta għal ksur ta’ rekwiżit formali essenzjali relatat mad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva li kkawża dannu lir-rikorrenti.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni tal-Kunsill li jerġa’ jinkludi lir-rikorrenti fil-lista hija bbażata fuq raġunijiet identiċi għal dawk li jirrigwardaw il-miżuri restrittivi preċedentement annullati permezz tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Marzu 2017 fil-Kawża T-681/44, bi ksur tal-prinċipji ta’ res judicata u ta’ ċertezza legali u tad-dritt għal rimedju effettiv.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-atti kkontestati ma jindikawx bażi legali sabiex ir-rikorrenti tinżamm fuq il-lista, minkejja l-bidla fundamentali taċ-ċirkustanzi fil-Libja. Il-Kunsill naqas milli jipprovdi raġunijiet individwali, speċifiċi u konkreti għall-miżuri kkontestati li ma humiex sostnuti biżżejjed permezz ta’ materjal ġustifikattiv.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li l-miżuri kkontestati jiksru d-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti inklużi d-dritt għas-saħħa, id-dritt għall-ħajja tal-familja, id-dritt għall-proprjetà u d-dritt għal difiża effettiva kif iggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
Full & Egal Universal Law Academy