29.7.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 255/46
Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Ġunju 2019 — Google u Alphabet vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-334/19)
(2019/C 255/60)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Google LLC (Mountain View, California, l-Istati Uniti), Alphabet, Inc. (Mountain View) (rappreżentanti: C. Jeffs, lawyer, J. Staples, Solicitor, D. Beard, QC u J. Williams, Barrister)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla (parzjalment jew kollha kemm hi) id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Marzu 2019 fil-Każ COMP/AT.40411 — Google Search (AdSense);
—
konsegwentement, jew sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas il-multa imposta fuq ir-rikorrenti fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali; u
—
f’kull każ, tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti f’din il-proċedura.
Motivi u argumenti prinċipali
Dan ir-rikors ifittex l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Marzu 2019 dwar proedura taħt l-Artikolu 102 TFUE u taħt l-Artikolu 54 tat-Trattat ŻEE (AT.40411 — Google Search (AdSense)). Ir-rikorrenti qed jitolbu l-annullament tat-tliet konstatazzjonijiet ta’ ksur, il-kostatazzjoni li dawn jammontaw għal ksur wieħed kontinwat, u l-impożizzjoni ta’ multa.
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi.
1.
L-ewwel motiv, li jallega li d-deċiżjoni kkontestata tiżbalja fl-evalwazzjoni tad-definizzjoni tas-suq u b’hekk tad-dominanza, B’mod partikolari, id-deċiżjoni kkontestata tiżbalja meta tikkonkludi li:
—
riklami ta’ tfittxija u riklami mhux ta’ tfittxija ma jikkompetux;
—
riklami mibjugħa direttament u riklami intermedjati ma jikkompetux.
2.
It-tieni motiv, li jallega li d-deċiżjoni kkontestata tiżbalja meta tikkonstata li l-hekk imsejħa klawżola ta’ esklużività ta’ Google (“Site-Exclusivity Clause”) kienet abbużiva. Id-deċiżjoni kkontestata:
—
tikklassifika b’mod żbaljat il-klawżola ta’ esklużività bħala obbligu ta’ provvista esklużiva;
—
tiżbalja meta tikkonstata li d-deċiżjoni ma kellhiex tanalizza jekk il- klawżola ta’ esklużività kinitx probabbilment ser toħloq effetti antikompetittivi;
—
tonqos milli turi li l-klawżola ta’ esklużività, minkejja li kklassifikata, kienet sejra probabbilment tirrestrinġi l-kompetizzjoni.
3.
It-tielet motiv, li jallega li d-deċiżjoni kkontestata tiżbalja meta tikkonstata li l-klawżola ta’ pjazzament prinċipali u minimu tar-riklami ta’ Google (“Placement Clause”) kienet abbużiva. Id-deċiżjoni kkontestata:
—
tikklassifika b’mod żbaljat il-klawżola ta’ pjazzament prinċipali u minimu;
—
tonqos milli turi li l-klawżola ta’ pjazzament prinċipali u minimu kienet probabbilment sejra tirrestrinġi l-kompetizzjoni.
4.
Ir-raba’ motiv, li jallega li d-deċiżjoni kkontestata tiżbalja meta tikkonstata li l-klawżola ta’ awtorizzazzjoni ta’ riklami ekwivalenti ta’ Google (“Modification Clause”) kienet abbużiva. Id-deċiżjoni kkontestata:
—
ma turix li l-klawżola ta’ awtorizzazzjoni ta’ riklami ekwivalenti kienet probabbilment sejra tirrestrinġi l-kompetizzjoni;
—
sussidjarjament tinjora bi żball li l-klawżola ta’ awtorizzazzjoni ta’ riklami ekwivalenti kienet oġġettivament iġġustifikata għaliex kienet tipproteġi l-utenti tas-siti internet, il-pubblikaturi, il-pubbliċitarji, u Google, u/jew kull effett ta’ telf kien inqas mill-vantaġġi tal-klawżola.
5.
Il-ħames motiv, li jallega li d-deċiżjoni kkontestata tiżbalja meta timponi multa u meta tikkalkola dik il-multa. Id-deċiżjoni kkontestata:
—
tonqos milli tieħu inkunsiderazzjoni n-nuqqas ta’ rieda jew negliġenza ta’ Google u li l-Kummissjoni għażlet il-każ għall-impenji;
—
sussidjarjament tiżbalja fil-kalkolu tal-multa;
—
barra minn hekk jew sussidjarjament, hija ma tosservax il-prinċipju ta’ proporzjonalità.
Full & Egal Universal Law Academy