22.7.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 246/45
Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Ġunju 2019 — Cantieri del Mediterraneo vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-335/19)
(2019/C 246/47)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Cantieri del Mediterraneo SpA (Napoli, l-Italja) (rappreżentanti: F. Munari u L. Calzolari, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla, skont l-Artikoli 263 et seq TFUE, l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.
Motivi u argumenti prinċipali
Dan ir-rikors huwa ppreżentat kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru C(2018)6037 final tal-20 ta’ Settembru 2018 dwar l-għajnuna mill-Istat SA 36112 (2016/C) (ex 2015/NN) implimentata mill-Italja għall-Awtorità tal-Port ta’ Napli u Cantiere del Mediterraneo S.p.A. (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni”)
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka disa’ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 41, 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni u tal-prinċipju ta’ kontradittorju kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u ksur tal-Artikolu 296 TFUE.
—
f’dan ir-rigward qed jiġi sostnut li d-Deċiżjoni ġiet adottata fi proċedura li fil-kuntest tagħha ma ġewx iggarantiti d-drittijiet tad-difiża ta’ Cantieri del Mediterraneo S.p.A. (iktar ’il quddiem “CAMED”) sa fejn, b’kuntrast mal-lanjant, din ma nstegħmetx matul laqgħa, u li
—
id-Deċiżjoni ġiet adottata wara proċeura li fil-kuntest tagħha ma ġiex iggarantita l-ugwaljanza fit-trattament bejn il-lanjant u l-benefiċjarju tal-għajnuna inkwistjoni (“opportunitajiet ugwali għall-partijiet”).
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva minħabba r-revoka illegali tad-deċiżjoni li ma tittiħidx azzjoni tal-2006 li ħassret il-proċedura relatata mal-istess miżura li issa, wara iktar minn 10 snin, ġiet ikkwalifikata mid-Deċiżjoni bħala għajnuna.
—
f’dan ir-rigward qed jiġi sostnut li d-Deċiżjoni messha ddikjarat l-illegalità tar-revoka tad-deċiżjoni li ma tittiħidx azzjoni tal-2006 fir-rigward tal-istess għajnuna mill-Istat u messha ddeċidiet li tali deċiżjoni li ma titteħidx azzjoni tipprekludi l-verifikazzjoni tan-natura ta’ għajnuna u tal-inkompatibbiltà, u li
—
Id-Deċiżjoni jmissha sabet li d-deċiżjoni li ma tittiħidx azzjoni tippreżupponi li l-Kummissjoni kienet diġà ivverifikat il-legalità tal-miżura inkwistjoni u, għalhekk, tipprekludi lill-Kummissjoni milli tadotta t-tieni deċiżjoni li tipprovdi kwalifikazzjoni differenti tal-istess qasam wara iktar minn għaxar snin.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107 TFUE minħabba interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat sa fejn id-Deċiżjoni kkwalifikat lill-Autorità Portuale di Napoli (iktar quddiem l-“APN”) bħala impriża.
—
f’dan ir-rigward qed jiġi sostnut li d-Deċiżjoni messha eskludiet in-natura ta’ “impriża” tal-APN minħabba r-rwol li l-Liġi Nru 84/1994 tirriżerva għall-awtoritajiet portwali bħala awtoritajiet pubbliċi rappreżentatnti tal-Istat fil-kuntest tal-protijiet Taljani, li lilhom jiġu fdati r-responsabbilitajiet ta’ regolazzjoni u ta’ amministrazzjoni tal-assi Statali kollha li huma proprjetà esklużiva tal-Istat esklużivament fl-interess pubbliku, li
—
id-Deċiżjoni kellha teskludi li l-APN twettaq “attività ekonomika” minħabba li l-Liġi Nru 84/1994 tipprekludiha milli toffri beni u servizzi fis-suq, li fil-verità ma jeżistix, u li
—
id-Deċiżjoni messha rrikonoxxiet in-natura fiskali tal-miżata Statali prevista fl-ordinament Taljan u d-determinazzjoni minn qabel ex lege tagħha.
4.
Ir-raba motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 345 TFUE, tal-Artikoli 3, 7 u 121 TFUE, ta’ diversi prinċipji tad-dritt tal-Unjoni (ugwaljanza fit-trattament), kif ukoll użu ħażin ta’ poter.
—
f’dan ir-rigward qed jiġi sostnut li d-Deċiżjoni messha indikat li l-possibbiltà ta’ twettiq ta’ manutenzjoni hija prerogattiva tad-dritt għal proprjeta u li t-Trattat jipproteġi d-dritt tal-Istati Membri li jżommu l-proprjetà pubblika tal-beni u tal-infrastrutturi (anki) portwali u li jiggarantixxu li kull persuna li għandha dritt ikollha aċċess għalihom, li
—
id-Deċiżjoni ma tistax orizzontalment u b’mod irraġonevoli tapplika l-istess regoli dwar il-manutenzjoni tal-infrastruttura portwali jew dwar il-miżati għall-okkupazzjoni ta’ żoni portwali għal sitwazzjonijiet li ma humiex paragunabbli: id-differenza kunsiderevoli bejn il-mudelli ta’ amministrazzjoni ta’ portijiet fl-Unjoni Ewropea tfisser li wieħed ma jistax jitratta bl-istess mod il-kostruzzjoni ta’ infrastruttura ġdida li hija proprjetà esklużivament privata u l-manutenzjoni ta’ assi Statali ta’ proprjetà inaljenabbli ta’ Stat Membru li huma amministrati minn awtoritajiet pubbliċi. Tali approċċ ikun imur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, u
—
id-Deċiżjoni ma tisstax tfittex l-armonizzazzjoni tad-diversi mudelli organizattivi ta’ portijiet fl-Unjoni Ewropea permezz tal-applikazzjoni indiskriminata u mhux raġonevoli tal-Artikolu 107 TFUE.
5.
Il-ħames motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107 TFUE minħabba interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ vantaġġ.
—
f’dan ir-rigward qed jiġi sostnut li fid-Deċiżjoni kellu jiġi kkonstatat li l-miżura ma tnaqqasx l-ispejjeż tal-APN jew ta’ CAMED, peress li normalment l-ebda impriża ma ssostni l-ispejjeż (iktar u iktar fl-intier tagħhom) għar-rinnovazzjoni ta’ prorjetà immobbli li ma hijiex (u ma tistax tkun) proprjetà tagħha, peress li fl-Italja assi Statali (fil-portijiet Taljani kollha) huma proprjetà esklużiva tal-Istat, u li
—
fid-Deċiżjoni kellu jiġi kkonstatat li l-infrastruttura proprjetà tal-Istat kienet ġiet assenjata lil CAMED insegwitu għal proċedura pubblika, trasparenti u kompetittiva wara li l-APN kienet impenjat ruħa li tirristruttura l-beni Statali inkwistjoni. Fil-proċedura użata għall-assenjazzjoni ta’ din il-proprjetà lil CAMED il-partijiet kollha potenzjalment interessati kienu ngħataw il-possibbiltà li jiksbu din il-proprjetà; it-twettiq ta’ proċedura pubblika jiżgura li jkun osservat il-kriterju tal-operatur fis-suq, mingħajr ma l-offerent magħżul ma jirċievi xi vantaġġ.
6.
Is-sitt motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107 TFUE, nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, nuqqas ta’ osservanza tad-drittijiet tad-difiża ta’ CAMED u nuqqas ta’ motivazzjoni minħabba interpretazzjoni żbaljata tas-selettività.
—
f’dan ir-rigward qed jiġi sostnut li d-Deċiżjoni ma tistax tikklassifika l-miżura bħala għajnuna “ad hoc” u ma tistax tonqos milli twettaq l-hekk imsejjaħ “test tas-selettività” fir-rigward ta’ miżuri ta’ natura ġenerali; u
—
fid-Deċiżjoni kellu jiġi deċiż li l-miżura ma kinitx selettiva fir-rigward ta’ APN peress li l-awtoritajiet portwali l-oħra kollha bbenefikaw minn finanzjamenti pubbliċi identiċi għall-manutenzjoni tal-infrastruttura Statali kollha li taqa taħt il-kompetenza territorjali tagħhom; u li
—
fid-Deċiżjoni kellu jiġi deċiż li l-miżura ma kinitx selettiva fir-rigward ta’ CAMED peress li l-impriżi kollha li joperaw f’port fl-Italja (mhux biss f’Napoli u mhux biss fis-settur tat-tarzna) huma suġġetti għall-istess regoli u, għalhekk, iħallsu l-istess miżata bħal CAMED għal infrastruttura mibnija jew irristrutturata permezz ta’ fondi pubbliċi.
7.
Is-seba’ motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 3 TUE u tal-Artikolu 7 TFUE, ksur tal-Artikoli 116 u 117 TFUE, użu ħażin ta’ poter, nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Kummissjoni biex tikkontesta n-natura fiskali u l-ammont tal-miżati Statali.
—
f’dan ir-rigward qed jiġi sostnut li d-Deċiżjoni ma tistax tikkontesta, abbażi tal-Artikolu 107 TFUE l-ammont tal-miżata Statali applikata mill-Istat Taljan fuq l-impriżi li ngħataw il-konċessjoni jew issostni li din ma hijiex konformi mal-valuri tas-suq, peress li, skont id-dritt Taljan, il-miżata Statali hija taxxa li l-ammont tagħha huwa stabbilit mil-liġi, ma hijiex innegozjata mal-konċessjonarji Statali individwali, u s-sistemi fiskali huma taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Istati Membri.
8.
It-tmien motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107 TFUE minħabba li ma kienx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni u effetti ħżiena fuq il-kummerċ u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni.
—
f’dan ir-rigward qed jiġi sostnut li d-Deċiżjoni ma tistax tipreżumi l-eżistenza taż-żewġ rekwiżiti li fl-istess ħin huma separati u kumulattivi; u
—
fid-Deċiżjoni kellu jiġi deċiż li dawn ir-rekwiżiti ma kinux jeżistu peress li l-APN ma topera fl-ebda suq u ma għandiex kompetituri u peress li CAMED ma bbenefikatx minn miżura li hija biss waħda min-numru kbir ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni ta’ pjan ta’ natura ġenerali li kien jikkonċerna l-impriżi kollha li joperaw f’kull port Taljan (inkluż ta’ Napoli) u mhux biss fis-settur ta-tarzna.
9.
Id-disa’ motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(2) u (3) TFUE.
—
f’dan ir-rigward qed jiġi sostnut li d-Deċiżjoni kellha tapplika l-Artikolu 107(2) TFUE peress li l-manutenzjoni sewwiet id-danni kkawżati mill-bombardamenti tat-tieni gwerra dinjija u mit-terremot tal-1980; u li
—
id-Deċiżjoni kellha tapplika l-Artikolu 107(3)(a)(c) TFUE peress li (i) il-port ta’ Napoli jinstab f’reġjun żvantaġġat u (ii) il-finanzjament pubbliku tal-infrastrutturi portwali għandu għan ta’ interess komuni, b’mod partikolari jekk jitqies li l-ammont tal-finanzjament huwa inqas mil-limitu ta’ notifika skont ir-Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali għal kull Kategorija (GBER).
Full & Egal Universal Law Academy