5.8.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 263/51
Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Ġunju 2019 — Santini vs Il-Parlament
(Kawża T-345/19)
(2019/C 263/59)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrent: Giacomo Santini (Trento, l-Italja) (rappreżentant: M. Paniz, avukat)
Konvenut: Il-Parlament Ewropew
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla l-Komunikazzjoni tad-Direttorat Ġenerali tal-Finanzi tal-Parlament Ewropew, li rriproduċiet id-deliberazzjoni Nru 14/2018 tat-12 ta’ Lulju 2018 tal-Ufficio di Presidenza della Camera dei Deputati (l-Uffiċċju tal-Presidenza tal-Kamra tad-Deputati) u/jew id-deliberazzjoni Nru 6/2018 tal-Consiglio di Presidenza del Senato della Repubblica (il-Kunsill tal-Presidenza tas-Senat tar-Repubblika, l-Italja) u, f’kull każ,
—
tannulla d-determinazzjoni ġdida u l-kalkolu mill-ġdid tal-allokazzjoni għall-ħajja mogħtija mill-Parlament Ewropew:
—
konsegwentement, tgħid u tiddikjara li r-rikorrent għandu d-dritt li jżomm l-allokazzjoni għall-ħajja inkwistjoni sal-ammonti miksuba u li ser jinkisbu abbażi tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ qabel id-deliberazzjoni Nru 14/2018 tal-Uffiċċju tal-Presidenza tal-Kamra tad-Deputati u/jew id-deliberazzjoni Nru 6/2018 tal-Kunsill tal-Presidenza tas-Senat tar-Repubblika, u tikkundanna lill-Parlament Ewropew iħallsu s-somom kollha miżmuma indebitament flimkien mal-evalwazzjoni monetarja ġdida u l-interessi legali mid-data tat-tnaqqis f’ras il-għajn, kif ukoll
—
tikkundanna lill-Parlament Ewropew biex jeżegwixxi s-sentenza għal intervent u biex immedjatament jistabbilixxi mill-ġdid u b’mod sħiħ l-allokazzjoni għall-ħajja fil-portata inizjali kollha tagħha, kif ukoll biex jikkumpensa d-danni kollha eventwali li jagħtu dritt għal kumpens lir-rikorrent.
—
f’kull każ, tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż kollha, inklużi l-onorarji tal-avukat flimkien mal-VAT, drittijiet, taxxi u spejjeż fil-forma ta’ somma f’daqqa.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tmien motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tar-riżerva ta’ kompetenza tal-Uffiċċju tal-Presidenza tal-Parlament Ewropew.
Ir-rikorrent jinvoka n-natura illegali tal-kalkolu mill-ġdid tal-allokazzjoni għall-ħajja Ewropea sa fejn twettaq unilateralment u b’mod retroattiv u permanenti abbażi ta’ applikazzjoni awtomatika ddikjarata (ineżistenti) tad-deliberazzjoni Nru 14/2018 tal-Kamra tad-Deputati (l-Italja), fl-assenza ta’ deliberazzjoni preċedenti fuq dan il-punt mill-Uffiċċju tal-Presidenza tal-Parlament Ewropew, li minflok tgawdi mill-kompetenza sħiħa f’dan ir-rigward (skont l-Artikolu 25 tar-Regoli Interni tal-Parlament Ewropew).
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tar-Regoli Interni tal-Parlament Ewropew.
Ir-rikorrent jinvoka n-natura illegali tal-kalkolu mill-ġdid tal-allokazzjoni għall-ħajja Ewropea sa fejn jikser l-Artikolu 1 tal-Anness III tal-leġiżlazzjoni dwar in-nefqa u l-kumpens tal-membri tal-Parlament Ewropew fis-seħħ qabel l-2009. Fil-mument meta jintemm il-mandat tal-membru tal-Parlament Ewropew, is-sitwazzjoni tiegħu fir-rigward tas-sigurtà soċjali tittieħed definittivament skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak il-mument għad-deputati nazzjonali Taljani. Emendi eventwali ta’ dawn il-kundizzjonijiet, deċiżi snin wara, ma jistgħux ikollhom impatt retroattiv fuq sitwazzjoni li tkun iddefinita u likwidata mill-Parlament Ewropew skont il-kundizzjonijiet fis-seħħ fil-mument tal-kisba tad-dritt, peress li wara dan iż-żmien, il-Kamra tad-Deputati (l-Italja) ma jkollhiex iktar awtorità f’dan ir-rigward.
3.
It-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 28 tal-Istatut tad-deputati.
Ir-rikorrent jinvoka n-natura illegali tal-kalkolu mill-ġdid tal-allokazzjoni għall-ħajja Ewropea sa fejn jikser l-Artikolu 28 tal-Istatut tad-deputati Ewropej u l-Artikoli 75 u 76 tal-miżuri ta’ implimentazzjoni tiegħu, li jistabbilixxu li d-drittijiet miksuba qabel id-dħul fis-seħħ tal-Istatut il-ġdid jibqgħu kweżiti u jiġu onorati taħt il-kundizzjonijiet previsti meta nkisbu. Skont ir-rikorrent, ma tistax issir deroga minn dawn il-klawżoli ta’ salvagwardja, u wisq inqas permezz ta’ sempliċi deliberazzjoni tal-Uffiċċju tal-Presidenza tal-Kamra tad-Deputati (l-Italja) ta’ natura retroattiva u permanenti, mingħajr ma jinkisru dawn il-klawżoli kif ukoll l-aspettattivi leġittimi li l-persuni interessati fiż-żamma mingħajr deterjorament tal-allokazzjoni tal-ħajja u tal-ammont tagħha, saħansitra retroattivament u permezz tal-applikazzjoni ta’ sistema ta’ kalkolu differenti introdotta b’mod arbitrarju b’effett retroattiv.
4.
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq in-natura ta’ sanzjoni tal-miżura ta’ tnaqqis u fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ legalità, ta’ non-retroattività u ta’ nondiskriminazzjoni.
Ir-rikorrent jinvoka n-natura illegali tal-kalkolu mill-ġdid tal-allokazzjoni għall-ħajja sa fejn dan għandu natura ta’ sanzjoni u huwa diskriminatorju fir-rigward ta’ kategorija waħda ta’ persuni (eks membri parlamentari Taljani) u jirrappreżenta miżura purament simbolika ta’ natura politika mhux assoċjata mal-għan li jitnaqqas l-infiq; sa fejn il-kalkolu mill-ġdid tal-allokazzjoni tal-ħajja mwettaq retroattivament skont metodi differenti u b’effetti permanenti jagħti lok għal differenza mhux iġġustifikata fit-trattament meta mqabbel mal-eks membri tal-Parlament Ewropew tal-Istati Membri l-oħra, kif ukoll mal-membri tal-Parlament Ewropew eletti wara l-2009 u maċ-ċittadini l-oħra kollha b’mod ġenerali, li ma jbatu ebda miżura ta’ tnaqqis ta’ dan it-tip.
5.
Il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.
Skont ir-rikorrent, l-allokazzjoni tal-ħajja hija benefiċċju ekonomiku li sar jifforma parti mill-patrimonju individwali tal-membri parlamentari li jirċivuh jew li kisbu d-dritt li jirċivuh fil-futur. It-tnaqqis improvviż tiegħu, fuq kollox jekk jirriżulta minn kalkolu mill-ġdid tal-allokazzjoni mwettaq b’mod retroattiv permezz ta’ kriterji ta’ ħlas differenti ffissati unilateralment u arbitrarjament mill-Kamra tad-Deputati (l-Italja) — effettivament huwa ekwivalenti għal taxxa fuq il-patrimonju individwali tad-deputati li, bħala tali, tista’ biss tiġi stabbilita permezz ta’ liġi u li, f’kull każ, kellha tkun iġġustifikata minn interess pubbliku speċifiku, li f’dan il-każ ma ġiex invokat u lanqas jidher li jeżisti, fid-dawl tal-fatt li din id-determinazzjoni mill-ġdid tal-allokazzjoni tal-ħajja ma ser twassal għal ebda tnaqqis konkret fl-infiq.
6.
Is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji tal-aspettattivi leġittimi, ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tad-drittijiet kweżiti.
Ir-rikorrent jinvoka l-illegalità minħabba ksur manifest tal-prinċipji ta’ ċertezza tal-liġi u tar-relazzjonijiet legali kif ukoll tal-aspettattivi leġittimi u tal-protezzjoni tad-drittijiet kweżiti. Fil-fehma tiegħu, il-kalkolu mill-ġdid tal-allokazzjoni tal-ħajja jopera retrospettivament, billi jimponi b’mod retrospettiv metodoloġija differenti għad-determinazzjoni tal-benefiċċju, liema kalkolu jwassal għal tnaqqis ta’ daqs konsegwenti (f’dan il-każ 50 % inqas), definittiv u permanenti, meta l-benefiċjarju ilu li kiseb id-dritt għalih ferm qabel l-adozzjoni tad-deliberazzjoni msemmija. B’dan il-mod, kien hemm ksur radikali tal-aspettativi leġittimi tal-benefiċjarji dwar l-effettività u dwar l-istabbilità ratione temporis tal-allokazzjoni tal-ħajja fin-nuqqas ta’ kull raġuni xierqa biex tiġġustifika effett daqstant radikali u permanenti fuq sitwazzjonijiet li diġà seħħew u ġew konklużi ħafna żmien ilu.
7.
Is-seba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ raġjonevolezza, ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ solidarjetà.
Ir-rikorrent jinvoka l-illegalità tal-intervent sa fejn dan ġie adottat mingħajr motivazzjoni għar-raġunijiet u għall-għan tiegħu, u jeċċedi l-limiti ta’ eċċezzjonalità u ta’ konformità, u jwassal għal kuntrast manifest mal-prinċipju ta’ ugwaljanza u ta’ raġjonevolezza.
8.
It-tmien motiv, ibbażat fuq motivi oħrajn ta’ ksur tal-prinċipji ta’ raġjonevolezza, ta’ proporzjonalità, ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ solidarjetà.
Ir-rikorrent jinvoka l-illegalità tal-intervent inkwistjoni sa fejn jikser il-prinċipji ta’ raġjonevolezza, ta’ proporzjonalità, ta’ solidarjetà, ta’ ugwaljanza fit-trattament, peress li: 1) jimponi retroattivament is-sistema tal-kontribuzzjonijiet fuq persuni li kisbu l-allowance ferm qabel id-deliberazzjoni Nru 14/2018 tal-Kamra tad-Deputati (l-Italja), jekk mhux saħansitra ferm qabel ma daħlet fis-seħħ is-sistema tal-kontribuzzjonijiet bl-hekk imsejħa Riforma Dini (1996); 2) jemenda l-istatus legali tal-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-eks deputat mingħajr, madankollu, ma jsemmi xejn dwar it-taxxi diretti mħallsa lill-Kamra bħala taxxa ta’ sostituzzjoni; 3) jimponi l-applikazzjoni retroattiva ta’ sistema ta’ kontribuzzjonijiet li madankollu ma għandha xejn ta’ natura kontributtiva la fil-metodu u lanqas fl-iskop; 4) japplika b’mod irrazzjonali u żbaljat il-koeffiċjenti ta’ trasformazzjoni u tal-kriterji tal-kalkolu tal-probabbiltajiet, billi jorbothom mal-passat diġà magħruf minflok milli mal-futur; 5) jinjora r-rieda ċara li jkun hemm parità fil-benefiċċji tal-allokazzjoni tal-ħajja mal-benefiċċji ta’ sigurtà soċjali tal-ħaddiema pubbliċi, meta fir-realtà, dawn huma ħlasijiet ta’ natura differenti.
Full & Egal Universal Law Academy