5.8.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 263/54
Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Ġunju 2019 — Falqui vs Il-Parlament
(Kawża T-347/19)
(2019/C 263/61)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrent: Enrico Falqui (Firenze, l-Italja) (rappreżentanti: F. Sorrentino u A. Sandulli, avukati)
Konvenut: Il-Parlament Ewropew
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla n-nota kkontestata u tikkundanna lill-Parlament Ewropew iħallsu s-somom imnaqqsa indebitament pendente lite.
Motivi u argumenti prinċipali
Dan ir-rikors huwa dirett kontra n-nota Nru D (2019) 14406 tal-11 ta’ April 2019 tad-Direttorat Ġenerali tal-Finanzi tal-Parlament Ewropew, dwar id-determinazzjoni mill-ġdid tal-pensjoni li għandu jibbenefika minnha r-rikorrent fil-kwalità tiegħu bħala eks membru tal-Parlament Ewropew.
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Presidenza tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Mejju u tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew.
—
F’dan ir-rigward, jiġi osservat li, peress li, skont l-Artikolu 75(2) tad-deċiżjoni tad-19 ta’ Mejju u tad-9 ta’ Lulju 2008, dwar miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew, “jibqgħu fis-seħħ” id-drittijiet għall-pensjoni tal-età miksuba qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Istatut, ir-referenza preċedenti għal-leġiżlazzjoni nazzjonali prevista mill-hekk imsejħa leġiżlazzjoni SID għandha titqies bħala rinviju materjali (jew referenzi inċidentali) (għal-leġiżlazzjoni fis-seħħ dak iż-żmien),sa fejn id-drittijiet għall-pensjoni miksuba mill-eks membri tal-Parlament Ewropew f’data qabel id-dħul fis-seħħ tal-Istatut ma jistgħux jinbidlu abbażi ta’ leġiżlazzjonijiet sussegwenti.
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq in-nuqqas, min-naħa tal-Parlament Ewropew, li ma japplikax leġiżlazzjoni nazzjonali invalida.
—
F’dan ir-rigward, jiġi osservat li l-leġiżlazzjoni introdotta mid-deliberazzjoni tal-Ufficio di presidenza della Camera dei deputati italiana (l-Uffiċċju tal-Presidenza tal-Kamra tad-Deputati Taljana) Nru 14/2018 hija — fil-konfront tas-sistema legali Taljana stess — invalida.
—
Fil-fatt, il-Kamra ddeċidiet li tikkalkola mill-ġdid l-allokazzjoni tal-ħajja li jibbenefikaw minnha l-eks deputati billi applikat l-hekk imsejħa sistema kontributorja anki għall-parti tal-allokazzjoni miksuba matul il-perijodi qabel l-2012, li, għall-impjegati pubbliċi u privati kollha, titħallas skont is-sistema pro rata, u saħansitra għall-perijodi qabel l-1996, li għall-impjegati pubbliċi u privati kollha titħallas skont is-sistema ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa. Biex tapplika b’mod retroattivi s-sistema kontributorja anki fir-rigward ta’ perijodi li fihom din ma kinitx teżisti fl-Italja — din adottat sistema ta’ kalkolu ppreġudikata, irrazzjonali u nieqsa minn bażi attwarjali.
—
Ir-riforma inkwistjoni hija wkoll illeġittima sa fejn is-suġġett tal-allokazzjonijiet tal-ħajja tal-membri parlamentari għandu jkun irregolat, għall-inqas f’dak li jikkonċerna l-aspetti fundamentali tiegħu, permezz ta’ liġi u mhux permezz ta’ regolament intern (Artikolu 69 tal-Kostituzzjoni).
—
Barra minn hekk, din tikser l-aspettattivi leġittimi tal-eks deputati fl-istabbilità tal-pensjoni tagħhom, liema ħaġa tmur kontra l-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, li tikkostitwixxi prinċipju ġenerali anki tas-sistema legali Taljana.
3.
It-tielet motiv, ibbażat fuq l-applikazzjoni illeġittima, min-naħa tal-Parlament Ewropew, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tikser il-prinċipji fundamentali tas-sistema legali tal-Unjoni u, in primis, il-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Ksur tal-prinċipju ta’ supremazija tal-liġi tal-Unjoni.
—
F’dan ir-rigward, jiġi osservat li r-riforma tal-allokazzjonijiet tal-ħajja tal-eks deputati Taljani kkalkolat mill-ġdid l-ammont ta’ dawn tal-aħħar ex post b’mod għal kollox imprevedibbli, f’daqqa u mingħajr klawżoli ta’ salvagwardja xierqa, u għalhekk tikser b’mod serju ħafna l-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi li jinsab fost il-prinċipji fundamentali tas-sistema legali Ewropea.
—
Għal din ir-raġuni, ir-riforma msemmija ma setgħetx tiġi trasposta min-naħa tal-Parlament Ewropew: fil-fatt, skont il-prinċipji ġenerali li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn is-sistemi legali, it-traspożizzjoni ta’ regoli minn sistema legali għal oħra, b’riżultat ta’ referenza (kemm jekk referenza għal-liġi kif teżisti fis-sistema legali sors inklużi l-emendi (rinvio mobile) jew għall-att kif traspost fil-liġi interna (rinvio recettizio)), issib limitu kuntrarju preċiż: ir-rinviju ma jistax jopera meta r-regola tas-sistema legali tal-oriġini tkun f’kuntrast mal-prinċipji fundamentali tas-sistema legali tad-destinazzjoni. Barra minn hekk, minħabba s-supremazija tal-liġi Ewropea — li tikkostitwixxi prinċipju fundamentali tal-Unjoni — jekk leġiżlazzjoni nazzjonali tkun tikser dispożizzjoni tal-liġi Ewropea, din ma għandhiex tiġi applikata, sabiex tiġi żgurata protezzjoni uniformi taċ-ċittadini min-naħa tal-liġi Ewropea fuq it-territorju kollu tal-Unjoni.
Full & Egal Universal Law Academy