5.8.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 263/61
Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Ġunju 2019 — CF vs Il-Parlament
(Kawża T-361/19)
(2019/C 263/67)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: CF (rappreżentant: A. Daoût, avukat)
Konvenut: Il-Parlament Ewropew
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati;
—
tordna l-kumpens għad-dannu finanzjarju u morali kkawżat bid-deċiżjonijiet ikkontestati, jew tagħti lir-rikorrenti s-somma provviżorja ta’ EUR 50 000;
—
tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors intiż għall-annullament taż-żewġ deċiżjonijiet tal-President tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ April 2019 li jiddikjaraw lir-rikorrenti ħatja ta’ fastidju morali kontra l-ex assistenta parlamentari tagħha akkreditata u li jagħtuha sanzjoni ta’ ċanfira, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tad-definizzjoni legali ta’ fastidju li tinsab fl-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, minħabba li l-President tal-Parlament Ewropew ma ħax inkunsiderazzjoni elementi li jikkostitwixxu l-kunċett ta’ fastidju morali stabbiliti mil-liġi u mill-ġurisprudenza.
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tal-att ikkontestat. Ir-rikorrenti ssostni li l-President tal-Parlament Ewropew jimmotiva l-ewwel deċiżjoni tiegħu billi jibbaża lilu nnifsu fuq ir-rapport tal-kumitat konsultattiv, li fih ċertu nuqqasijiet, u li t-tieni deċiżjoni tiegħu ma tissodisfax il-kriterji stabbiliti mill-Artikolu 166 tar-Regoli Interni tal-Parlament Ewropew.
3.
It-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba u tad-drittijiet tad-difiża. Skont ir-rikorrenti, l-amministrazzjoni marret kontra d-dmir tagħha ta’ premura, il-prinċipju ta’ terminu raġonevoli, ir-regoli ta’ kunfidenzjalità tal-investigazzjoni, id-drittijiet tad-difiża, il-preżunzjoni ta’ innoċenza u d-dritt ta’ aċċess għall-fajl dixxiplinari.
4.
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u fuq in-nuqqas ta’ retroattività tar-regoli koerċitivi, inkwantu l-President tal-Parlament Ewropew u l-kumitat konsultattiv applikaw leġiżlazzjoni koerċittiva għal fatti li jippreċedu l-adozzjoni tagħha.
Barra minn hekk, ir-rikorrenti titlob kumpens għad-danni morali u finanzjarji. Hija ssostni li l-mod kif tmexxiet l-investigazzjoni kellha bħala konsegwenza li tħammeġ ir-reputazzjoni tagħha u li ttelfilha l-possibbiltà li tippreżenta ruħha għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew.
Full & Egal Universal Law Academy