5.8.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 263/62
Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Ġunju 2019 — Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-363/19)
(2019/C 263/68)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrent: Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (rappreżentanti: S. Brandon, aġent, P. Baker QC u T. Johnston, Barrister)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2019) 2526 tat-2 ta’ April 2019 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.44896 implimentata mir-Renju Unit fir-rigward ta’ CFC Group Financing Exemption;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv, li jallega żball manifest ta’ evalwazzjoni: identifikazzjoni tas-sistema ta’ referenza ż-żbaljata.
—
Ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni wettqet żball meta sostniet li r-regoli dwar il-Controlled Foreign Company (il-kumpannija barranija kkontrollata) (iktar ’il quddiem iċ-“CFC”) jipprovdu l-qafas adattat għal evalwazzjoni tal-paragunabbiltà (Premessa 107 tal-preambolu tad-deċiżjoni kkontestata).
—
Ir-Renju Unit jopera sistema ta’ taxxa fuq il-kumpanniji (Corporation Tax, iktar ’il quddiem “CT”) li hija fil-parti l-kbira territorjali: ġeneralment, huwa taxxabbli biss dħul derivanti mir-Renju Unit. B’hekk, il-punt tat-tluq rilevanti huwa li ebda taxxa ma hija dovuta fir-rigward ta’ dħul minn sussidjarji barranin. Il-leġiżlazzjoni CFC tiddevja minn din il-pożizzjoni u tistabbilixxi numru ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali li fihom tista’ tkun taxxa skont iċ-CFC. Għalhekk, is-sistema ta’ riferenza adattata, hija l-qafas CT b’mod sħiħ. Ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni wettqet żball meta għażlet qafas ta’ riferenza artifiċjalment dejjaq.
2.
It-tieni motiv, li jallega li l-eżenzjonijiet li jinsabu fil-Kapitolu 9 tat-Taxation (International and Other Provisions) Act 2010 (l-Att tal-2010 dwar it-Taxxa (Internazzjonali u Dispożizzjonijiet oħra)) ma humiex derogi.
—
L-għan tar-regoli CFC huwa li tiġi imposta taxxa CFC biss fir-rigward ta’ dawk l-arranġamenti li huma ta’ riskju għoli ta’ abbuż/diverżjoni artifiċjali. Ir-Renju Unit għażel teknika leġiżlattiva li biha dan: (i) beda b’definizzjoni wiesgħa u inklużiva ta’ CFC, u (ii) eskluda l-maġġoranza kbira ta’ dħul idderivat minn CFC, sabiex jidentifika biss il-kategorija dejqa ta’ dħul li jirrappreżenta riskju ta’ abbuż/diverżjoni artifiċjali. Il-Kapitoli 5 u 9 tat-Taxation (International and Other Provisions) Act 2010 joperaw flimkien biex jiġu identifikati dawk l-arranġamenti li jirrappreżentaw riskju għoli ta’ abbuż/diverżjoni artifiċjali.
—
Ir-rikorrent iżid li l-Kummissjoni wettqet żball manifest meta qieset li l-imsemmija eżenzjonijiet tal-Kapitolu 9 huma deroga, għaliex iffokat fuq it-teknika leġiżlattiva użata, u mhux fuq l-għanijiet sottostanti tal-miżura.
—
Fil-fehma tar-rikorrent, il-Kummissjoni qieset ukoll — b’mod żbaljat — li ma kien hem ebda distinzjoni rilevanti bejn Qualifying Loan Relationships (relazzjonijiet ta’ self li jikkwalifikaw, “QLR”) u relazzjonijiet ta’ self li ma jikkwalifikawx (non-QLR). Il-Gvern tar-Renju Unit biss huwa f’pożizzjoni tajba biex jiddetermina liema tipi ta’ arranġamenti jippreżentaw riskju għoli ta’ abbuż/diverżjoni artifiċjali. Huwa allegat li l-Kummissjoni:
a.
wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli tagħti lill-Gvern tar-Renju Unit marġni diskrezzjonali xieraq fl-evalwazzjoni tal-kwistjoni; u
b.
wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tagħha tal-arranġamenti inkwistjoni.
3.
It-tielet motiv, li jallega żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tas-selettività.
—
Il-Kummissjoni wettqet żball meta ddeċidiet li r-Renju Unit kellu jibbaża ruħu biss fuq eżami ta’ “significant people functions” (funzjonijiet ta’ persuni sinifikanti. SPF), minflok milli fuq l-imsemmija Kapitoli 5 u 9 li joperaw flimkien. Din żbaljat ukoll meta ċaħdet l-evalwazzjoni li approċċ ibbażat fuq SPF biss kien ugwalment kumpless li jsir daqs approċċ ibbażat fuq investiment ta’ capital m ir-Renju Unit.
—
Ir-rikorrent isostni wkoll li l-Kummissjoni żbaljat ukoll meta ċaħdet il-pożizzjoni tar-Renju Unit li l-eżenzjonijiet tal-imsemmi Kapitolu 9 kienu risposta xierqa, proporzjonata u amministrattivament funzjonali għas-sentenza tal-Awla Manja fil-Kawża Cadbury Schweppes plc u Cadbury Schweppes Overseas Ltd. vs Commissioners of Inland Revenue, (Kawża C-196/04, EU:C:2006:544).
4.
Ir-raba’ motiv, li jallega li ma hem ebda impatt fuq il-kummerċ intra-Komunitarju.
—
Finalment, ir-rikorrent jargumenta li l-Kummissjoni żbaljat meta qieset li l-imsemmija eċċezzjonijiet tal-Kapitolu 9 kienu jagħtu “vantaġġ” lil kull kumpannija b’mod li jkollu impatt fuq il-kummerċ intra-Komunitarju. Minflok, fil-fehma tar-rikorrent, dawn jipprovdu mekkaniżmu li bih tiġi imposta taxxa CFC fuq kumpanniji stabbiliti fir-Renju Unit f’numru żgħir ta’ każijiet. Fiż-żmien rilevanti (2013) ma kien hemm ebda obbligu intra-Komunitarju li jiġu impost taxxi fuq dħul ta’ CFC, u l-Kummissjoni ma rnexxilhiex tipprova li l-imsemmija eċċezzjonijiet tal-Kapitolu 9 jipprovdu xi tip ta’ vantaġġ, meta mqabbel mal-obbligi impost fi Stati Membri oħra, li jaffettwa l-kummerċ intra-Komunitarju.
Full & Egal Universal Law Academy