5.8.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 263/67
Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Ġunju 2019 — Spanja vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-370/19)
(2019/C 263/72)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Rikorrent: Ir-Renju ta’ Spanja (rappreżentant: M. García-Valdecasas Dorrego, aġent)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-18 ta’ Marzu 2019.
—
tikkundanna lill-istituzzjoni konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikors odjern huwa dirett kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Marzu 2019 dwar il-parteċipazzjoni tal-Awtorità Regolatorja Nazzjonali tal-Kosovo fil-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (1).
Insostenn tar-rikors, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2018/1971 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li jistabbilixxi l-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u l-Aġenzija għall-Appoġġ tal-BEREC (l-Uffiċċju tal-BEREC), li jemenda r-Regolament (UE) 2015/2120 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1211/2009 (2), sa fejn dan l-artikolu jipprovdi li huma biss il-bord tar-regolaturi, il-gruppi ta’ ħidma u l-bord maniġerjali li huma miftuħin għall-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet regolatorji ta’ pajjiżi terzi.
2.
It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2018/1971, sa fejn ma jeżisti l-ebda ftehim mal-awtorità regolatorja tal-Kosovo għall-finijiet tal-parteċipazzjoni fil-BEREC.
3.
It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2018/1971, sa fejn il-Kommissjoni Ewropea żvijjat mill-proċedura stabbilita għall-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet regolatorji ta’ pajjiżi terzi fil-BEREC. Barra minn hekk, dan kollu wassal għall-adozzjoni ta’ att ġuridiku li m’għandu l-ebda bażi legali li joħloq obbligi fil-konfront ta’ terzi, meta l-Kummissjoni ma ingħatatx il-kompetenzi speċifiċi sabiex tagħmel dan.
(1) ĠU 2019, C 115, p. 26.
(2) JO 2018, L 321, p. 1.
Full & Egal Universal Law Academy